Mara li tieħu ħsieb lit-tfal u li ġieli ħadet ħsieb lil Madeleine McCann irrakkontat dak li taf mal-mezzi tax-xandir, għaxar snin wara li għebet it-tifla.
In-‘nanny’ ta’ Madeleine dakinhar li għebet kienet ċertu Catriona Baker li kellha 20 sena. Din li tkellmet mal-mezzi tax-xandir Ingliżi hija mara oħra, li ma żvelatx isimha imma kienet taħdem fil-lukanda fil-Portugal fejn Madeleine u l-ġenituri tagħha kienu qed jirrisjedu.
Din il-mara qalet li sa llum tinsab ixxukjata b’dak li ġara, għaxar snin wara. Missier Madeleine prova jfittex lil bintu filwaqt li ommha bdiet twerżaq ‘ħaduha’. Saħansirta l-missier beda jfittixha taħt il-karozzi fit-triq. L-omm bdiet miexja fil-vojt, fi stat ta’ xokk qawwi.
Din il-persuna qalet li l-post fejn kienu jinsabu kien ikkonsidrat perikoluż għat-tfal.
Qalet ukoll li l-Pulizija damu aktar minn 90 minuta biex waslu fuq il-post. Skont din il-mara, il-ġenituri ta’ McCann ma setgħux kellhom x’jaqsmu mal-investigazzjoni. Qalet li l-babysitter tas-soltu ta’ Madeleine ma kinitx mat-tifla meta għebet imma dakinhar kienet qattgħat madwar sitt sigħat magħha. Il-mara anonima rrakkontat li meta Baker spiċċat dmirjietha ma’ familja oħra, marret tgħin fit-tfittxija ta’ Madeleine.