Missier kien ikkundannat erba’ snin ħabs talli abbuża sesswalment miż-żewġ uliedu bniet għal sitt sħaħ, bejn l-elfejn u disa’ u l-elfejn u ħmistax.
Jidher li kollox sar magħruf wara li l-iżgħar fost l-aħwa fetħet qalbha ma’ oħtha l-kbira li hi wkoll ammettiet li għaddiet mill-istess esperjenza iżda żamment ħalqha magħluq biex iżżomm il-familja magħquda.
Fil-Qorti, il-missier, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-qorti, qal li uliedu kienu ħafrulu u għaldaqstant m’għandux jintbagħat il-ħabs.
L-Imħallef Edwina Grima kkonfermatlu s-sentenza ta’ priġunerija fi stadju t’appell filwaqt li ngħad li minkejja li wliedu ħafrulu ma jfissirx b’mod awtomatiku l-Qorti għandha tagħti sentenza ħafifa.
Il-Qorti semgħet kif il-missier kien iġiegħel lil uliedu jagħtuh pjaċir sesswali meta kellhom tnax u tlettax–il sena.
L-iżgħar tifla xehdet li kollox kien beda meta marret issaqsi għall-permess ta’ missierha biex tmur fuq attività tal-iskola f’Għawdex wara li ommha rrifjutat. Missierha kien qalilha li tista’ tmur biss jekk tagħmel att sesswali miegħu. Sitwazzjoni li rrepetiet ruħha minn tal-inqas darba f’xahar.
Kien biss meta l-aħwa fetħu qalbhom ma’ xulxin li ddeċiedew li jgħidu lill-ommhom.
Ir-raġel ammetta l-azzjonijiet tiegħu u ġġustifikahom billi qal li kien qed jesponi lit-tfal tiegħu għall-edukazzjoni sesswali.
L-Imħallef Grima saħqet li hu minnu li t-tfal ħafru lil missierhom iżda l-Qorti ma tistax tinjora l-offiżi serji li kkommetta l-missier, persuna li skont il-liġi għandu d-dmir li jieħu ħsieb, jeduka u jipproteġi lit-tfal tiegħu minn esperjenzi kefrin fil-ħajja.
Il-Qorti temmet tgħid li għal żmien twil, dawn it-tfal kellhom jissoġġettaw irwieħhom għar-rieda ħażina ta’ missierhom u huma baqgħu b’ħalqhom magħluqin biex iżommu l-istabbilità tal-familja.