Ma kellu xejn ħlief dmugħ – Missier li sema’ l-qalb ta’ bintu tħabbat f’raġel ieħor. Dan wara li t-tifla tiegħu tilfet ħajjitha u ta’ sittax-il sena kienet iddeċidiet li tiffirma l-karti biex f’każ ta’ mewt l-organi tagħha jkunu jistgħu jgawdu minnhom persuni oħra fil-bżonn.
Dan il-missier, Bill Conner, kien għaddej bi vjaġġ bir-rota biex joħloq aktar għarfien dwar l-importanza tad-donazzjoni tal-organi meta rċieva t-telefonata li jista’ jiltaqa’ mar-raġel li llum huwa ħaj grazzi għal bintu.
Ir-reazzjoni tiegħu kienet waħda emozzjonali ferm, hekk kif sema’ qalb bintu tħabbat permezz ta’ stetoskopju. Loumonth Jack kien ingħata biss ftit jiem ħaj wara attakk tal-qalb, iżda d-daqqa ta’ pinna ta’ bintu Abbey waslet biex illum dan ir-raġel qed jgħix ħajtu għal darb’oħra.
“Il-fatt li naf li huwa ħaj grazzi għat-tifla tiegħi Abbey, mument sabiħ, il-qalb tagħha qed iżżommu ħaj” qal il-missier.
“Minkejja li kuntent għalih u għal familja tiegħu, kuntent ukoll li f’dan il-mument qed nerġa’ ningħaqad ma’ binti.”
Abbey u ħuha nstabu mitlufin minn sensihom f’pixxina f’Jannar meta kienu fuq vaganza f’resort fil-Messiku. Minkejja li ħuha salva, Abbey tilfet ħajjitha u nżammet ħajja mit-tobba biex ikunu jistgħu jużaw l-organi tagħha għat-trapjanti.
Missiera ddeskriva lil Abbey bħala tfajla li dejjem riedet tgħin lil dawk fil-bżonn, iżda ma setgħax jemmen li minkejja li kienet irreġistrat biex tkun donatur tal-organi, hija kellha tkun donatur daqsekk kmieni.Huwa appella biex aktar nies isiru donaturi tal-organi u bħal bintu jsalvaw aktar nies.