Student ta’ 17-il sena minn Birkirkara se jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati ta’ attentat ta’ ferita gravi fuq Pulizija. Huwa ġie mixli li attakka jew irreżista Pulizija, li seraq serq vettura u li saq bla liċenzja.
Huwa tressaq il-qorti wara li l-Erbgħa filgħaxija pprova jtajjar Pulizija b’karozza allegatament misruqa u bla liċenzja f’Ħal Kirkop. Fil-Qorti, l-akkużat deher pjuttost kalm u kwiet minkejja l-akkużi serji miġjuba kontrih.
L-Ispettur Colin Sheldon spjega kif jumejn ilu, pesuna rraportat li l-vettura tagħha insterqet minn Triq il-Kunċizzjoni fl-Imsida. Aktar tard, il-karozza ġiet interċettata f’Ħal Luqa, waqt ronda minn Uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit irnexxiela taqbadha.
Żied jgħid li meta l-Pulizija pruvat waqqaf lill-akkużat, huwa żied il-veloċità u ħarab minn fuq il-post, biex wara, spiċċa msakkar wara trakk.
It-tfajla, li kienet passiġġera fil-karozza mal-akkużat, ma kinitx involuta fis-serqa tal-karozza.
L-avukat tad-difiża Franco Debono ma talabx għall-ħelsien mill-arrest fuq xewqa ta’ missier l-imputat, dan sabiex iż-żagħżugħ jirriforma lilu nnifsu.
Huwa qal li l-missier jixtieq li jiġri hekk għax is-sitwazzjoni tat-tifel tista’ tiġi salvata. Il-Maġistrat Josette Demicoli ordnat divjett fuq isem l-imputat għax għadu minuri u eventwalment jista’ jirriforma lilu nnifsu.