Silvio Pace, missier Brandon Pace, il-vittma ta’ delitt li seħħ il-Ħamrun nhar il-Ħadd li għadda, ingħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ serqa t’€4,000 li saret minn apartament fix-Xemxija.
Ir-raġel ta’ 48 sena wieġeb mhux ħati li fil-25 ta’ Marzu li għadda seraq minn dan l-appartament – użata bħala r-residenza tal-Karmelitani.
Fil-Qorti, patri li jgħix f’din ir-residenza qal li għaraf lill-imputat bħala dan ir-raġel, li dakinar rah jaqbeż minn gallarija għal oħra, qabel ħarab minn fuq il-post.
Quddiem dan kollu d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest anke fid-dawl li l-ħajja tal-imputat inbidlet drastikament bil-mewt t’ibnu ftit tal-jiem ilu, bil-Qorti tilqa’ din it-talba fuq depozitu t’€1,000 u garanzija personali ta’ €5,000.