Missier Daphne Caruana Galizia akkuża lill-Partit Nazzjonalista b’opportuniżmu u insult lejn il-memorja tagħha wara li ħabbar li se jorganizza quddiesa sabiex isellem il-memorja tagħha.
F’għeluq is-sentejn mill-qtil brutali tagħha, il-Partit Nazzjonalista ħabbar li se jorganizza quddiesa f’Tas-Sliema u wara laqgħa politika.
Fuq il-blog ta’ Manuel Delia, missier Caruana Galizia, Michael A Vella, kiteb li l-organizzazjoni tal-quddies mill-Partit Nazzjonalista mhi se taffi xejn mill-insulti diretti li għamel il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia lejn Daphne Caruana Galizia.
Adrian Delia kien għajjar lil Caruana Galizia ‘biċċa blogger‘ meta fit-tellieqa għall-Kap Nazzjonalista, Caruana Galizia kienet allegat li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey li ġejjin mill-prostituzzjoni.
Missier Caruana Galizia, kiteb li huwa insult lejn bintu li b’opportuniżmu l-Partit Nazzjonalista se jorganizza inizjattiva bħal din.
Intant lil missier Daphne Caruana Galizia, ħareġ iwieġbu l-eks kandidat Nazzjonalista Dione Borg u qallu li mhux ġust li l-Kumitat tal-Partit Nazzjonalista ta’ Tas-Sliema qiegħed jiġi attakkat għax se jorganizza attività li tfakkar lil Daphne Caruana Galizia filwaqt li qal lin-nies biex jappoġjawhom.