Kompliet tinstema’ x-xhieda fl-inkjesta pubblika li ħatar il-Gvern b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fis-sessjoni tat-Tlieta kien imiss li jixhdu l-ġenituri ta’ Caruana Galizia flimkien ma’ ħutha.
Madankollu qabel bdiet is-seduta, il-familja Caruana Galizia għamlet talba sabiex membru tal-midja jixhed fil-magħluq. Il-bord tal-inkjesta laqa’ din it-talba iżda qablu li l-ewwel għandha tinstema’ x-xhieda tal-ġenituri, Rose u Michael Vella.
Waqt li kienet qed taqra x-xhieda tagħha bl-Ingliż, Rose, omm Caruana Galizia stqarret li bintha ta’ spiss kienet tispiċċa fil-mira ta’ diversi insulenti u kien hemm okkażjonijiet fejn ritratti tagħha spiċċaw jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali. Ommha qalet ukoll li darba hija kienet għaddietha puplesija u t-tabib qalilha li dan seta’ kien ikkawżat minħabba Daphne. Ommha qalet ukoll li Caruana Galizia dejjem kienet tmur għandhom fit-tard u hija kienet tinkwieta li tista’ tispiċċa fil-mira ta’ xi ħadd fis-sigħat ta’ bil-lejl. Hija stqarret ukoll li l-aħħar li ratha kien madwar erbgħin siegħa qabel inqatlet.
Michael Vella, missier Caruana Galizia qal li huwa bbaża x-xhieda tiegħu fuq il-perċezzjoni tiegħu fuq il-livell ta’ theddida li kienet tinsab fiha Caruana Galizia. Huwa allega li sa mis-snin 50, Gvernijiet Laburisti kienu ta’ theddida fuq il-libertá tal-espressjoni. Huwa fakkar ukoll f’żewġ episodju fejn kienu nqatlu l-klieb ta’ Caruana Galizia u darba oħra fejn saritilha xi ħsara mad-dar.
Huwa semma wkoll li meta John Rizzo ma baqax Kummissarju tal-Pulizija, ħassu inkwetat għal bintu.
Sostna li huwa kien iħoss li l-unika protezzjoni li kellha Caruana Galizia kien is-sosten ta’ dawk li jaqraw il-blog tagħha u l-Oppożiżżjoni li skont missierha, dak iż-żmien kienet tagħmel ġieħ għal isimha.
Huwa spjega wkoll li tul il-kampanja sabiex intagħżel kap ġdid Nazjzonalista, Adrian Delia rrelega lil bintu u fetaħ ħames libelli kontriha.
Wara li nstemgħet din ix-xhieda l-bord tal-inkjesta ordna lil kulħadd sabiex jitlaq mill-awla sabiex il-membru tal-midja li skont il-familja Caruana Galizia kellha informazzjoni importanti setgħet tixhed fil-magħluq mingħajr ma jkun hemm ħadd preżenti.