Missier ċaħad li ta daqqiet u hedded lill-ibnu ta’ tnax-il sena. Ir-raġel ta’ 36 sena li huwa ta’ dixxendenza Niġerjana, qed ikun akkużat li uża l-vjolenza u kkawża lill-ibnu biex jibża’ li jkun suġġett għall-vjolenza. Il-missier iżda wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh.
L-avukat tad-difiża qal li filwaqt li l-missier u l-iben kellhom kwistjonijiet ta’ kunflitt, il-missier ma kienx vjolenti lejn ibnu. Fil-Qorti ntqal li l-missier ma jaħdimx minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu u li likieku nżamm arrestat, mhux biss issir ħsara fuq saħħtu iżda wkoll tiżdied il-pressjoni fuq il-familja. Min-naħa tagħha, omm it-tfal ikkonfermat li qatt ma rat lill-missier ikun vjolenti lejn uliedu.
Wara x-xhieda, l-Qorti laqgħet it-talba għal liberta proviżorja, bil-kundizzjoni li l-akkużat jipprovdi garanzija personali ta’ elf u ħames mitt ewro u jiffirma ktieb ta’ pleġġ darbtejn fil-ġimgħa. Barra minn hekk, il-Qorti ordnat ukoll li t-tifel ma jibqax jgħix fid-dar u minflok jgħix man-nanniet tiegħu tul il-proċedimenti.