F’isem il-Kalkara, Cherise Spiteri hi r-rebbieħa tal-eqdem konkors tas-sbuħija f’pajjiżna, Miss Malta, li daħal fil-61 edizzjoni tiegħu, b’serata li ttellgħet il-Ħadd filgħaxija fil-Lukanda Hilton, f’San Ġiljan.
Fost il-parteċipanti li ħadu sehem, l-unur prestiġjuż ta’ Miss Malta mar għand Miss Kalkara, waqt li titli oħrajn li ġew mogħtija lill-erba’ tfajliet li għamluha mal-aħħar ħamsa tal-kompetizzoni kien hemm Lexine Farrugia, Miss Dingli, li saret Miss Republic of Malta; Miss Żurrieq Alexia Cutajar, li rebħet it-titlu Miss Tourism of Malta; Yasemin Ertugrul, f’isem il-Madliena, bħala Miss Grand Malta; u Miss Xemxija, irrappreżentata minn Karolina Bordian, li ngħatat it-titlu ta’ Top Model Malta.
Fl-istess serata, kien hemm ukoll l-ewwel edizzjoni tal-Miss Malta Teen, fejn Ihana Cauchi, Miss Vittoriosa Teen, rebħet dan l-unur.
Dan il-konkors hu frott sena ta’ ħidma mill-parteċipanti, li minbarra l-esperjenza se sservihom ta’ mitqlu deheb għall-karrieri futuri tagħhom.