Nhar it-Tlieta l-kumpanija Uber żvelat li żewġ hackers aċċessaw l-informazzjoni ta’ madwar 57 miljun klijent. L-informazzjoni misruqa, fost oħrajn, tinkludi ismijiet, e-mails kif ukoll numri tal-mowbajls tal-klijenti li użaw is-servizz ta’ UBER. Iżda mhux biss, insterqu ukoll id-dettalji tal-liċenzji tas-sewwieqa li jaħdmu mal-kumpanija.
Kienu żewġ hackers li infiltraw fis-sistema ta’ UBER u ħadu din l-informazzjoni lejn l-aħħar tas-sena 2016.
Kien f’Awwissu li għadda, li dwar dan il-każ bdiet investigazzjoni. Dan wara li ġie maħtur Kap Eżekuttiv ġdid għal kumpanija u ntebaħ b’dak li kien ġara. Bl-għan aħħari tal-investigazzjoni jkun li dawk affettwati minn dan il-każ jiġu infurmati.
Il-Kap Eżekuttiv spjega li meta seħħ dan il-każ, il-kumpanija Uber ħadet azzjoni immedjata. Dan biex l-informazzjoni li ġiet misruqa ma tinxteridx. Fil-fatt il-kumpanija kienet identifikat lil hackers u assigurat li l-informazzjoni li kellhom tiġi meqruda. Skont is-sit tal-aħbarijiet, Bloomberg, dan sar billi l-kumpanija ħalset is-somma ta’ $100,000.
Il-kumpanija assigurat li ż-żewġ impjegati ta’ UBER li ħbew dan il-każ, m’għadhomx jaħdmu mal-kumpanija. Għadu jrid jiġi stabbilit, għalfejn it-tmexxija tal-kumpanija tal-2016 ma kinitx informat lill-awtoritajiet konċernati dwar dan il-każ, u għalfejn il-klijenti affettwati ma ġewx infurmati immedjatament.
F’kummenti lill-midja, l-Kap Eżekuttiv qal li l-kumpanija qed taħdem id f’id mal-awtoritajiet regolatorji biex jiġu stabbiliti l-fatti dwar il-każ.