– Interċettati żewġ pakketti b’sustanza suspettati droga;
– Misjub parcel b’$102,400 dollaru Amerikan foloz;
– Daħlet fis-sitt ġimgħa l-kampanja ta’ infurzar mid-Dwana fuq sigaretti tal-kuntrabandu
Il-ġimgħa li għaddiet kienet ġimgħa impenjattiva ħafna għall-Uffiċjali tad-Dwana stazzjonati fis-Central Mail Room tal-Posta f’Ħal-Qormi. Matul il-ġimgħa d-Dwana interċettat dawn il-pakketti:
- Parcel imdaqqas, li kien għadhu kif jasal miċ-Ċina, indirizzat ukoll għal persuna ta’ nazzjonalita’ Maltija fuq indirizz fin-naħa t’isfel ta’ Malta, ġie interċettat mill-Uffiċjali tad-Dwana u nstab li kien jikkonsisti f’10 pakketti oħra, li kull wieħed kellu fih 1,024 karta ta’ $100 dollaru Amerikana foloz għal total ta’ $102,400 dollari foloz. Il-każ ukoll inagħta f’idejn il-Pulizija għal aktar stħarriġ.
- Pakkett mill-Kanada indirizzat lill-istess persuna ta’ nazzjonalita’ Maltija, minn Birżebbuġa, li tliet ġimgħat ilu tressqet il-Qorti wara li pakkett ieħor li kien irċieva kien il-kaġun biex il-Pulizija resqitu b’37 akkuża, fosthom ħażna ta’ ecstacy, kokaina, emfatemina, kannabis, LSD, u magic mushrooms, ħasil ta’ flus, pussess ta’ pornografija tat-tfal, u attivitajiet sesswali fuq it-tfal.
Dan it-tieni pakkett, li kien interċettat il-ġimgħa l-oħra, instab li kien fih 12-il borża tal-plastik mimlija marijuana u żewġ pakketti oħra tal-aluminium foil mimlija pilloli blu. Il-konsenja ġiet mgħoddija lill-Pulizija biex tkompli bil-proċeduri tagħha.
- Envelop ieħor, indirizzat fuq indirizz in-naħa ta’ fuq ta’ Malta, ġie interċettat u mgħoddi mill-magna tal-xray. L-envelop infetaħ u fih instabet borża tal-plastik mimlija sustanza ħadra tixbaħ il-ħaxixa tal-kannabis. Minn testijiet preliminari rriżulta li fil-fatt is-sustanza hija marijuana. Il-każ inagħta f’idejn il-Pulizija għal aktar investigazzjoni.
Sadanittant, il-kampanja mid-Dipartiment tad-Dwana kontra l-importazzjoni, il-bejgħ u l-konsum ta’ sigaretti tal-kuntrabandu daħlet fis-sitt ġimgħa tagħha.
Matul il-ġimgħa li għaddiet ġew miżmuma 4,226 sigarett tal-kuntrabandu, li minnhom 2,600 gew interċettati fl-ajruport qabel iddaħħlu fil-pajjiż filwaqt li 1,626 ġew elevati mis-suq. Dawn ġew elevati minn ħwienet f’san Ġiljan, Raħal Ġdid u Ħaż-Żebbuġ.
Id-Dipartiment tad-Dwana tenna li l-kuntrabandu huwa reat kriminali serju ħafna li, f’każ ta’ ħtija quddiem il-Qorti, iġorr miegħu penali fiskali ħorox, konfiska tal-mezz tal-ġarr, konfiska tal-mezz tal-ħażna u, saħansitra, anki kkunsidrata piena karċerarja. Appella ukoll għall-għajnuna tal-pubbliku billi jċempel b’mod anonimu fuq 2568 5124 jew 2568 5200.