Fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, saret it-tnedija uffiċjali tal-uniformi l-ġdida tal-Korp tal-Pulizija.
Din l-uniformi, li bdiet tintuża mit-Tlieta filgħaxija, ma tiddistingwix bejn is-sessi, u tinkludi karatteristiċi ta’ sigurtà u kumdità.
Hija magħmula b’materjal apposta li jagħmilha adattata għall-klima ta’ Malta.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà spjega kif din l-uniformi qed tiżżanżan wara proċess li beda tliet snin ilu bil-għan li tqarreb lill-uffiċjali aktar lejn il-komunitajiet.
B’investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro, l-uniformi l-ġdida tipprovdi aktar prattiċità lill-membri tal-Korp, u tkopri elementi ta’ uniformijiet milbusa minn korpi internazzjonali, fl-isttess waqt li tagħti identità.
Ma’ ONE News, il-Kummissarju spjega wħud mill-karatteristiċi ta’ sigurtà li tipprovdi din l-uniformi.
“Il-caps li ħa nkunu qed nilbsu fihom bump cap li tista’ tipprevjeni daqqiet ġor-ras u wkoll għandek il-ġgieget li jipprovdu aktar viżibilità lill-membri tal-Korp.”
Il-Kummissarju kompla jispjega kif din l-uniformi se tintlibes minn kulħadd bl-istess mod, ħlief għal eċċezzjoni waħda.
“Qed nagħmlu però distinzjoni waħda. Dawk il-fizzjali fil-Korp minn spetturi ’l fuq, żammejna ftit it-tradizzjoni hemmhekk. Hija għażla tal-uffiċjal jekk iżommx il-polo shirt jew il-qmis bl-ingravata u tajjeb ngħidu għalfejn. Għaliex normalment, rank ta’ spettur ’il fuq huwa rank amministrattiv allura x-xogħol operattiv mhux wieħed li neċessarjament ikun jeħtieġ il-prattiċi tal-uniformi l-ġdida però fil-każ fejn dawn l-uffiċjali huma uffiċjali prosekuturi fil-Qorti, hemmhekk iva, se jkunu qed jeħtieġu li jitilgħu l-Qorti bil-qmis, bl-ingravata u bil-beritta tradizzjonali.”
Fl-istess konferenza, fil-preżenza ta’ diversi uffiċjali fil-Korp lebsin l-uniformi l-ġdida, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Byron Camilleri qal li t-tiġdid fil-Korp huwa essenzjali f’dinja li qed tevolvi.
Spjega li din hija miżura oħra ta’ tiġdid biex il-Korp ikollu strutturi moderni u b’saħħithom.
Dan għandu jwassal għal Korp aktar motivat, membri aktar imħarrġa u mgħammra b’apparat adegwat għaż-żminijiet tal-lum.
“Dawn l-uniformijiet huma parti mit-tiġdid li qed isir fil-Korp tal-Pulizija. Matul dawn l-aħħar sentejn konna qegħdin nimplimentaw il-politika ta’ trasformazzjoni, diversi tibdiliet ibbażati fuq it-tajjeb li għandu u kellu l-Korp matul dawn is-snin kollha, li wasslu wkoll biex il-Korp jirbaħ il-fiduċja tal-poplu. Kellek żieda qawwija fil-fiduċja, anki kif ikkonfermata mill-Ewrobarometru anki għaliex ħadna dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet u allura l-impenn tagħna huwa li l-Korp ikompli jiġġedded biex ikun aktar relevanti għas-sena li qegħdin fiha biex fl-aħħar mill-aħħar ikun ta’ servizz għan-nies.”
Fi tmiem il-konferenza, il-Kappillan tal-Korp, Fr Raymond Bonnici, bierek l-uniformijiet il-ġodda u talab għall-ħarsien lill-uffiċjali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.