Minn nhar is-Sibt 15 ta’ Ottubru, individwi u negozji li jinqabdu jisseparaw l-iskart ħażin se jibdew jeħlu l-multi li jlaħħqu l-mija ħamsin ewro kuljum.
Fakkret dan l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA fi stqarrija hekk kif irrimarkat li l-perjodu ta’ sitt xhur fejn il-poplu kellu jadatta għar-regoli mandatorji ġodda dwar il-ħruġ u s-separazzjoni għall-iskart se jkun qed jiskadi din il-ġimgħa.
L-ERA sostniet li fil-ġimgħat li ġejjin, l-uffiċjali tagħha se jkun qed iterrqu t-toroq Maltin u Għawdxin u jwettqu numru ta’ spezzjonijiet. Dan sabiex jassiguraw li kemm ir-residenti u anke n-negozji qed jisseparaw u joħorġu l-iskart, biex jinġabar skond kif suppost.
Fil-fatt, l-uffiċjali huma awtorizzati jiċċekkjaw l-basktijiet li jinħarġu sabiex jekk jaraw żibel fil-boroż il-ħżiena sabiex joħorġu twissijiet u anke multi.
F’każ ta’ offiża għall-ewwel darba minn residenti ta’ djar tinħareġ twissija. Mat-tieni offiża tinħareġ multa ta’ €25 filwaqt li t-tielet offiża twassal għal multa ta’ €50.
Intant, filwaqt li l-ewwel offiża b’rabta ma’ negozji u stabbilimenti twassal għal twissija, it-tieni offiża twassal għal multa ta’ €75 u t-tielet offiża twassal għal multa ta’ €150.
Multa separata ta’ €150 għall-persuni li joħorġu l-boroż taż-żibel fil-ġranet il-ħżiena jibqgħu japplikaw.
L-ERA fakkret kif il-boroż taż-żibel organic jinġabru kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa filwaqt li l-boroż is-suwed bi skart ieħor jinġabru kull nhar ta’ Tlieta u Sibt. Il-boroż taż-żibel il-griżi u l-ħodor li jintuża għar-riċiklaġġ jinġabru kull nhar ta’ Ħamis. Il-ħġieġ jinġabar kull l-ewwel u tielet Ġimgħa tax-xahar.
Minn Lulju tal-2024 l-użu ta’ boroż suwed trasparenti se jkun mandatorju sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-uffiċjali tal-ERA u b’hekk jispezzjonaw il-boroż mingħajr ma jiftħuhom.
Tul l-aħħar sitt xhur l-uffiċjali tal-ERA wettqu mal-2600 spezzjoni f’lokalitajiet differenti sabiex jgħinu u jedukaw aktar dwar ir-regoli l-ġodda tas-separazzjoni u l-ġbir tal-iskart.