Għoxrin elf metru kwadru ta’ art, li bħalissa huma parti mill-faċilità tal-WasteServ f’Wied il-Għajn, se jinbidlu fi spazju miftuħ għall-familji.
Dan se jkun possibbli hekk kif wasal fl-aħħar stadju tiegħu x-xogħol fuq il-faċilità tal-immaniġġjar tal-iskart, imsejħa l-Multi Recovery Facility, fil-kumpless tal-ECOHIVE fil-Magħtab. Wara investiment ta’ erba’ miljun ewro (€4 miljun), din il-faċilità issa se tkun tista’ tipproċessa mal-40,000 tunellata ta’ skart riċiklabbli.
Dan se jfisser li mis-sena d-dieħla, l-iskart riċiklabbli mhux se jibqa’ jiġi pproċessat fil-faċilità tal-WasteServ f’Wied il-Għajn.
Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, u mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Chris Bonett, fil-faċilità fil-Magħtab. Huma fakkru li din il-miżura hija parti mill-Budget għas-sena d-dieħla bit-tema ‘Malta – Ċertezza u Stabbilità’.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, spjega li din il-faċilità se tkun qed tissepara tipi differenti ta’ metall, kartun, u plastik permezz ta’ makkinarju apposta li se jkun hemm u jagħżel dawn il-materjali b’mod awtomatiku.
Din il-faċilità se żżid l-effiċjenza tal-ipproċessar ta’ dawn il-materjali minn 30 fil-mija għal 70 fil-mija, għax dawn il-materjali mhux se jibqgħu jiġu separati manwalment.
“B’dan l-investiment se nkunu qegħdin intejbu l-performance ambjentali tagħna, l-effiċjenza tal-WasteServ, is-saħħa u s-sigurtà u l-kumdità tal-ħaddiema. Imma mbagħad, aktar minn hekk, biex inkunu nistgħu nieħdu l-aqwa valur possibli ta’ dan l-investiment, hemm bżonn sehem in-nies: l-irwol importanti tan-nies fejn tidħol is-separazzjoni tal-iskart u liema separazzjoni għandha ssir b’mod tajjeb ħalli b’hekk inkunu nistgħu nieħdu l-aqwa valur minn dawn il-flus li qed jiġu investiti.”
Il-Ministru Miriam Dalli tkelmet dwar kif dan l-investiment juri l-impenn tal-Gvern fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart.
“Dan l-investiment li qegħdin naraw hawnhekk, li huwa investiment ta’ €4 miljun, se jkun qed iwassal biex verament jirnexxilna nirriċiklaw b’mod effettiv. Se jwassal ukoll biex, sal-aħħar ta’ din is-sena, lanqas il-borza l-griża ma tibqa’ tmur fl-Impjant ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li dan il-proġett qed isir b’fondi Ewropej li permezz tagħhom se tissaħħaħ l-ekonomija ċirkulari.
“U dan il-proġett huwa simbolu ta’ dik il-mira, dawk il-miri, li għandu l-Gvern biex aħna nilħqu t-targets tagħna ta’ dak li huwa ambjent. U l-programmi l-ġodda tal-Unjoni Ewropea, imbagħad, se nkomplu ninvestu aktar flus biex inkomplu nilħqu dawn il-miri. Għalfejn? Għax dan il-Gvern irid li kollha kemm aħna ngħixu f’pajjiż aħjar.”
Dan il-proġett, li qed jiġi parzjalment iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, se jibni fuq l-investiment ta’ nofs biljun ewro għall-proġett ECOHIVE, li se jgħin lill-pajjiż ikompli jimxi lejn ekonomija ċirkolari fejn l-iskart kollu jinbidel f’riżorsa.
Apparti minn hekk, is-sena d-dieħla, il-Wasteserv se tiżviluppa Organic Processing Plant b’investiment ta’ €50 miljun. Anki din hija miżura tal-Budget għas-sena d-dieħla.