Mis-sena d-dieħla, persuni li f’kafetteriji, bars, kiosks u ħwienet tat-take away, jieħdu magħhom tazzi li jintużaw aktar minn darba se jkunu intolati għal benefiċċji differenti.
Dan tħabbar mill-Gvern waqt l-ippubblikar tal-istrateġija dwar l-użu tal-plastik ta’ darba sal-2030 flimkien mal-Pjan fit-tul ta’ Malta għall-Immaniġġjar tal-Iskart, li wkoll jasal sal-2030.
Din il-miżura flimkien ma’ ħafna iktar inklużi f’din l-istrateġija ġew irrimarkati mill-Ministeru għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima hekk kif ġiet enfasizzata l-importanza tal-qabża għal ekonomija ċirkolari li tippromwovi t-tkabbir sostenibbli, saħħa aħjar u impjiegi ta’ kwalità.
Dan filwaqt li fl-istess ħin tipproteġi l-ambjent ta’ madwarna.
Dwar l-istrateġija dwar l-użu ta’ darba tal-plastik, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia tenna li fil-fatt, il-Gvern diġà beda bil-ħidma favur tagħha, fost oħrajn bid-direttiva fil-bidu ta’ din is-sena, li titwaqqaf l-importazzjoni ta’ plastik li jintuża darba.
Spjega, “Issa qed inħabbru l-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ ħafna mis-single use plastics li l-industrija diġà aċċettat u li diġà qed issib metodi u affarijiet li huma alternattivi għal dawn is-single use plastics biex b’hekk nipproteġu l-ambjent u l-industrija tagħna u kif ukoll l-ekonomija tagħna.”
Spjega wkoll kif din l-istrateġija hija parti minn katina ta’ azzjonijiet, kollha intiżi biex jissalvagwardjaw l-ambjent, fosthom l-identifikazzjoni u l-protezzjoni taż-żoni marittimi protetti.
Intant dwar il-Pjan fit-tul ta’ Malta għall-Immaniġġjar tal-Iskart sal-2030, il-Ministru Farrugia tenna l-prinċipju ewlieni jibqa’ li l-iskart jinbidel f’riżorsa hekk kif f’dan il-pjan tħabbru madwar 130 miżura oħra.
Huwa semma wħud minnhom.
Qal, “Bażikament qed nitkellmu dwar food waste li nistgħu nħarsu lejh, għandna re-use centres, repair centres, qed naraw l-użu diġitali biex inaqqsu l-ammont ta’ skart li jkollna fil-pajjiż imma wkoll il-fatt li s-separazzjoni se tkun b’mod mandatorju fiż-żmien li ġej. Ħa ndaħħlu wkoll il-kunċett ta’ commercial waste li għandu jiġi separat ukoll imma wkoll il-mod ta’ kif jinġabar.”
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li minkejja t-triq twila quddiemu, b’dawn il-miżuri flimkien mal-koperazzjoni tal-poplu, il-pajjiż se jkun jista’ jara qabża ta’ kwalità f’dan is-settur.