Mis-sena d-dieħla, mal-1,500 student li jattendu l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-MCAST se jkollhom l-opportunità biex jidħlu f’apprentistat.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici waqt it-tnedija għas-sejħa ġdida tal-MCAST għall-kumpaniji biex jikber n-numru ta’ apprentistati offruti fl-2021.
Bħalissa l-MCAST għaddejja bi proċess biex iżżid il-postijiet ta’ apprentistat, fejn s’issa diġà għandha 650 post għal dan il-għan, fejn dan in-numru huwa mistenni li jiżdied fil-ġimgħat li ġejjin.
Waqt din l-attività tkellmet studenta li ħadet sehem fl-apprentistat, liema esperjenza saħħitilha l-għarfien tagħha fl-istudju li kienet għaddejja bih, tant li anke kienet offruta xoghol.
Fl-indirizza tieghu, il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja qal li l-apprentistati huma mod effiċjenti biex il-kumpanji isibu impjegati ġodda u joffru tagħlim tekniku u ħiliet oħra neċessarji fuq il-post tax-xogħol. Huwa żied jgħid li r-riċerka turi li l-apprentisti jżidu l-produttività u jwasslu għal titjib fi ħdan il-kumpaniji. L-istudenti tagħna jġibu magħhom entużjażmu u innovazzjoni.
Il-Ministru Bonnici qal li dan il-Gvern dejjem emmen li l-apprentistati huma kruċjali biex intejbu l-ħiliet li għandna bżonn fil-pajjiż sabiex nirnexxu – b’mod partikolari waqt li naħdmu lejn l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija. Aħna ser inkomplu noffru opportunitajiet liż-żgħażagħ kollha u inċentivi lil min iħaddem.