Beda jitħaddem il-Joint Innovation Centre li jmexxi l-kunċett ta’ Safe City li se jara l-installazzjoni ta’ għadd ta’ kameras tas-sigurtà madwar Malta, b’mod partikolari f’San Ġiljan u l-Marsa. Dan bil-għan li tiżdied is-sigurtà għar-residenti.
Dan il-proġett imħabbar fil-Baġit għas-sena d-dieħla se jara l-użu ta’ teknoloġiji avvanzati fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u sorveljanza viżiva. S’issa dan il-proġett diġà qed jitħaddem f’post mhux pubbliku hekk kif it-teknoloġija diġà tinsab f’pajjizna biex tiġi ppruvata.
Fil-bidu tas-sena d-dieħla mistennija tinfetaħ konsultazzjoni pubblika dwar l-użu ta’ dan l-apparat u jaċċerta kif dan il-proġett mhux ser ixxekkel il-privatezza tal-persuni.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri saħaq li dan l-apparat se jsaħħaħ il-ġlieda tal-Pulizija kontra l-kriminalità:
“Ikollok ambjent fejn bl-aspett uman biss ma tkunx tista’ tinterċettah u grazzi għat-teknoloġija b’diversi kameras se nsaħħu idejn il-pulizija biex tintervjeni fejn ikun hemm imġieba mhux xierqa”.
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li permezz ta’ dan il-kunċett mistennija titnaqqas il-kriminalità f’pajjiżna.
Huwa nnotta kif in-nefqa kapitali għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali rat żieda ta’ 85%. Qal li permezz ta’ dawn il-fondi, ser jinbena laboratorju forensiku indipendenti ġdid li l-bini tiegħu mistenni jibda s-sena d-dieħla:
“Se nkunu qegħdin insaħħu l-id invetsigattiva fil-ġlieda kontra l-kriminalità se jkun hemm bini ġdid u apparat ġdid tal-aħħar teknoloġiji u li jkun ċertifikat bl-ISO sabiex il-livell jinżamm matul iż-żmien”.
Dr Farrugia tenna li fil-ġimgħat li ġejjin se tibda diskussjoni biex kull droga sintetika li tidħol f’pajjiżna tiġi illegali. Dan hekk kif sa issa minħabba diskrepanza fil-liġi hemm tipi differenti ta’ drogi sintetiċi li għadha legalizzata:
“Aħna nittammaw li titressaq fl-iqsar żmien possibli wara d-diskussjonijiet li jkollna dwar il-baġit sabiex tkompli tgħin il-korpi dixxiplanti fil-ġlieda kontra d-droga”.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li mill-ġimgħa d-dieħla, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA u l-Awtorità tal-Innovazzjoni Diġitali ta’ Matla se jingħataw poteri ġodda:
“Ikollok kumpanija topera barra minn Malta u li tgħid li għandha liċenzja f’Malta, u mill-1 ta’ Novembru l-MFSA se jkollha l-poter li tħarrikom kriminalment u ttihom multa sa €10 miljun”.
Is-Segretarju Parlamentari qal li baġit ta prijorità wkoll lis-settur tal-Esports li mistenni jkun qasam ekonomiku ieħor ġdid għall-pajjiżna.