Kull minn jixtri karozza jew vannijiet żgħar li jaħdmu bl-elettriku, se jkun intitolat għal għotja sa massimu ta’ €8,000, filwaqt li fir-rigward ta’ muturi se jingħataw sa massimu ta’ €2,000. Dan fl-istess waqt li se tiġġedded l-iskema li tħajjar il-konverżjoni ta’ vetturi li jaħdmu bil-petrol jew diesel għal vetturi elettriċi.
Dan filwaqt li vetturi elettriċi u plug-in hybrid b’awtonomija elettrika ta’ 50 kilometru jew iktar, se jibqgħu eżentati mit-taxxa ta’ reġistru u eżentati mill-ħlas tal-liċenzja annwali tat-triq għal perjodu ta’ 5 snin.
Barra minn hekk, jekk persuna ordna karozza u għal xi raġuni din mhux se tkun irreġistrata sal-aħħar ta din is-sena, il-Gvern se jonora l-kuntratti u se jkunu eleġibbli għall-għotja attwali ta’ €11,000 ta’ din is-sena.
L-iskema li tinċentiva x-xiri ta’ pedelecs u xiri ta’ ekickscoters ġodda għal użu personali li ser tiġi estiża wkoll.