Mis-sajf li ġej se jkun hawn fis-suq prodotti mediċinali magħmula mill-kannabis bi prezzijiet raġonevoli.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt laqgħa organizzata mill-Forum Żgħażagħ Laburisti bit-titlu #AskChris.
F’din il-laqgħa ż-żgħażagħ kellhom opportunità jistaqsu dwar bosta temi liż-żewġ deputati mexxeja tal-Partit Laburista, Chris Fearne u Chris Cardona.
Chris Fearne saħaq li qabel mal-Gvern illeġiżla fuq il-bejgħ ta’ prodotti mediċinali magħmula mill-kannabis permezz ta’ riċetta tat-tabib, f’pajjiżna kien hemm prodotti li kienu qed jinbiegħu bi prezzijiet esaġerati u li mhux bilfors kienu mediċini ta’ kwalità tajba.
il-Ministru għall-Ekonomija u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona, qal li l-Gvern qatt m’hu se jibgħat messaġġ li l-użu tal-kannabis għal skop rikreattiv huwa tajjeb.
Iż-żewġ deputati mexxejja tkellmu wkoll dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF u kif din issa għaddiet mill-istadju tat-tieni qari fil-Parlament.
Spjegaw kif il-Partit Laburista qiegħed hemm biex jisma’ l-karba ta’ dawk li fis-skiet ibatu għax ma jistax ikollhom tfal.
Chris Fearne u Chris Cardona ġew mistoqsija wkoll dwar is-suġġett tal-vot sittax u jekk jaħsbux li apparti l-vot issa għandux jingħata d-dritt li persuni minn sittax-il sena ‘l fuq ikunu jistgħu jikkontestaw elezzjoni.
Huma spjegaw li l-Forum Żgħażagħ Laburisti jista’ jkun promotur ewlieni għal diskussjoni wiesa’ dwar dan iżda saħqu li l-akbar vuċi li ngħatat liż-żgħażagħ hija dik permezz tal-vot.
Dan hekk kif is-sena d-dieħla, madwar tminnt elef żagħżugħ ġdid se jkunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u dik tal-Kunsilli Lokali.i