Stephen Mangion, li miet fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei bil-lejl ta’ nhar it-Tlieta li għadda, ġie invistat mit-tobba tas-servizzi tas-saħħa sbatax il-minuta biss wara li kienu għadu kemm jasal u rreġistra mar-reception desk.
Dan jirriżulta minn informazzjoni mill-filmati tas-CCTVs fl-Emerġenza stess. ONE News hu informat b’dettalji ġodda li joħorġu mill-investigazzjonijiet li qed isiru b’rabta mal-inkjesti li twaqqfu, waħda maġisterjali u l-oħra mill-Ministeru għas-Saħħa fil-kura li r-raġel ta’ 55 sena ngħata dakinhar.
Hi l-prassi fis-sistema tal-Emerġenza li persuni, li jirrapportaw uġigħ f’sidirhom, jgħaddu quddiem it-tobba fi ftit ħin, kif jidher li seħħ nhar is-27 t’Awwissu bil-lejl, anke għax rata għolja ta’ mwiet f’pajjiżna jseħħu minħabba problemi jew mard tal-qalb.
Minkejja dan, kif irrapportat fl-aħħar jiem, l-awtopsja ta’ Mangion li kkonkludiet li hu miet minħabba dik li tissejjaħ cardiac tamponade u aortic dissection, u mhux attakk tal-qalb kif kien oriġinarjament maħsub.
Iċ-ċertifikat tal-mewt tiegħu wkoll indika kif ir-raġel kien isofri minn marda f’qalbu, waqt li kien ibati wkoll minn pressjoni fid-demm għal żmien twil.
Jirriżulta li Mangion, li kien ilu minn filgħodu fl-istess jum jilmenta li kien qed ibati minn uġigħ f’sidru, irrikorra l-ewwel fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana. Dettalji mill-kameras tas-sigurtà fuq il-post ukoll ġew analizzati għall-fini tal-inkjesti.
L-istess filmati tas-CCTVs juru lil Mangion, li kien mill-Belt, jasal fiċ-Ċentru tas-Saħħa fis-7:08 ta’ filgħaxija, akkumpanjat minn persuna oħra. Hu spiċċa telaq minn hemm ftit inqas minn erbgħin minuta wara, fit-tmienja neqsin tlettax-il minuta, wara rakkomandazzjoni biex imur l-Isptar Mater Dei.
Hu twassal f’Mater Dei mill-istess persuna f’karozza privata ħdax-il minuta wara, fit-tmienja neqsin żewġ minuti, waqt li fit-tmienja bl-eżatt rreġistra mar-reception tal-Emerġenza.
Minn hawn, fit-tmienja u sbatax-il minuta ssejjaħ biex jiġi invistat fit-Triage, l-ewwel pass fis-sistema qabel, imbagħad, jiġi deċiż il-pass li jmiss tal-kura. Seba’ minuti wara reġa’ deher miexi ma’ infermiera lejn it-Triage t-tieni darba f’inqas minn nofs siegħa.
Sussegwentement, Mangion irritorna fis-sala ta’ stennija, bil-filmati juruh iċempel bil-mowbajl diversi drabi, waqt li wkoll jibla’ żewġ pilloli ftit minuti qabel ħassu ħażin fl-għaxra u tnejn u għoxrin minuta.
F’dan l-istadju mhux magħruf x’kienu l-pilloli li ħa.
Mill-filmati tas-sigurtà joħroġ li minn hemm, il-persuna, li kienet qed takkumpanjah, intebħet li Mangion ma kienx f’siktu, b’ħafna infermieri jirrikorru minnufih għall-għajnuna u sussegwentement jiddaħħal fis-sala fuq stretcher.
Rapport fit-Times ħabbar kif is-Sibt filgħodu, numru ta’ persuni marru fl-Għassa f’Tas-Sliema biex jagħtu x-xhieda tagħhom bħala parti mill-inkjesta Maġisterjali li għaddejja dwar il-każ.
Il-mewt ta’ Mangion spiċċat daqstant diskussa fil-pubbliku wara kitbiet fuq il-midja soċjali, li allegaw ħin twil ta’ stennija fl-Emerġenza. L-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi saħansitra ddikjara li dan mhu xejn għajr “qtil involontarju”.
Wara wkoll konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista dwar il-każ, l-eks mara ta’ Mangion, Miriam Attard, ikkundannat lil dawk li, għal skopijiet partiġġjani u populisti, kienu qed jagħmlu tali kummenti.
Il-funeral ta’ Mangion sar is-Sibt filgħodu fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.