Mit-Tnejn 7 ta’ Frar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin validu mhux se jibqa’ jkun mitlub b’mod obbligatorju biex tidħol f’ristoranti, snack bars u każini.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne llejla fil-Parlament.
Mill-14 ta’ Frar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ jiġi mitlub obbligatorju anke biex tidhol fil-bars, gyms, pixxini, spas, swali taċ-ċinema u teatri.
Fil-Parlament Chris Fearne ta l-ewwel dettalji ta’ pjan ta’ rilaxx ta’ miżuri.
Saħaq li dan ir-rilaxx jista’ jsir minħabba li s-sitwazzjoni f’pajjiżna tinsab taħt kontroll u rrefera kif il-maġġoranza jew tliet kwarti tal-adulti f’Malta huma mlaqqmin bid-doża tal-booster.
Fid-diskors tiegħu d-Deputat Prim Ministru semma l-investiment massiċċ li l-Gvern Malti wettaq sabiex jipproteġi saħħet il-poplu Malti u Għawdxin, fost dawn hemm il-miljuni t’ewro li ġew investiti fuq il-vaċċin.
Iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jibqa’ obbligatorju għan-night clubs, safar, attivitajiet tal-massa, faċilitajiet sportivi u anke stabbilimenti tal-logħob, bħal Casinos.