Mit-Tnejn, 17 t’Ottubru, se jibda t-tilqim bla ħlas kontra l-influwenza.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne u mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, ingħataw dettalji dwar din il-kampanja ta’ tilqim.
Għall-ewwel ħmistax, it-tilqim se jingħata lil dawk meqjusa l-aktar vulnerabbli, jiġifieri, lill-persuni li għandhom aktar minn 55 sena, lil dawk b’mard kroniku, lin-nisa tqal, lil min jaħdem jew jgħix f’xi istituzzjoni, lill-ħaddiema tas-saħħa u lit-tfal ta’ bejn is-sitt xhur u l-ħames snin.
Wara dawn il-ġimagħtejn, kulħadd jista’ jitlaqqam kontra l-influwenza.
It-tilqim se jingħata fuq skeda li se tkun ippubblikata fiż-żmien li ġej, fiċ-ċentri tas-saħħa kollha f’Malta u f’Għawdex, u anki f’ċertu bereġ fl-irħula. Id-dettalji kollha se jkunu fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tas-Saħħa u anki fuq il-paġna ta’ Facebook Saħħa.
F’pajjiżna diġà għandna 132,000 tilqima – 115,000 għall-adulti u 17,000 nasal sprays għat-tfal.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif wara sorveljanza f’pajjiżi li diġà għaddew mix-xitwa, jidher li l-varjant tal-influwenza din is-sena se jkun dak imsejjaħ H3N2. Din hija tip ta’ influwenza li ġieli rajna fil-passat u li hija qalila aktar mis-soltu, tant li qed tkun imbassra żieda fil-każijiet ta’ persuni li jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar.
Għaldaqstant, diġà qed jittieħdu miżuri biex jilqgħu għaż-żieda fl-isptarijiet, fosthom billi se jiżdiedu sittin sodda oħra f’każ ta’ bżonn, fl-isptar Boffa.
Fid-dawl li l-Covid għadu magħna wkoll u fix-xitwa dejjem ikun antiċipat li jiżdiedu l-każijiet, se tiġi offruta wkoll tilqima ġdida li taħdem speċifikament kontra l-varjant dominanti bħalissa, l-Omicron.
Din it-tilqima tista’ tittieħed fl-istess darba ma’ dik tal-influwenza u se tkun qed tiġi offruta fiċ-ċentri tas-saħħa wkoll.