Il-kantanta Miriana Conte rebħet il-Malta Eurovision Song Contest, bil-kanzunetta ‘Kant’. Dan se jfisser li Conte se ġġorr il-bandiera Maltija, f’Basel, fl-Iżvizzera f’Mejju li ġej.
F’dan il-festival, Miriana Conte kisbet 182 punt, fejn ġabet l-aktar ammont ta’ voti mit-televoting. Hija se tkanta fit-tieni parti tat-tieni semifinali tal-Eurovision Song Contest, li se jsir nhar il-Ħamis 15 ta’ Mejju li ġej.
Fit-tieni post, ġiet il-kanzunetta ‘Heaven Sent’ ta’ Kristy Spiteri, b’174 punt, filwaqt li segwiet il-kanzunetta ‘Lalaratatekeke Lalaratakabum’, li klassifikat fit-tielet post b’137 punt.
Is-serata kienet animata wkoll minn diversi artisti, fosthom iċ-ċkejken Ramirez Sciberras, li huwa r-rebbieħ tal-Malta Junior Eurovision Song Contest, għas-sena 2024, u li kanta l-kanzunetta ‘Stilla Ċkejkna’.
Imbagħad, Sciberras ingħaqad mar-rebbieħa tal-Malta Eurovision Song Contest tas-sena l-oħra, Sarah Bonnici, fejn interpretaw il-kanzunetta ‘Angel’.
Segwiet il-prestazzjoni ta’ Sarah Bonnici, fosthom bil-kanzunetta li rrappreżentat lil pajjiżna biha – ‘Loop’.
Ir-rebbieħa ta’ Mużika Mużika 2024, Maxine Pace, tat prestazzjoni tal-kanzunetta ‘Mhux tal-Aħħar’.
Dawk preżenti fl-MFCC f’Ta’ Qali u dawk li raw il-festival mid-dar, kellhom l-opportunità li jmorru lura għadd ta’ snin, hekk kif ir-rebbieħ Norveġiż, Alexander Rybak, ta prestazzjoni ta’ żewġ kanzunetti – fosthom ‘Fairytale’ – li biha rebaħ il-Eurovision Song Contest lura fl-2009.
Conte, diġà marret viral ma’ bosta segwaċi u ammiraturi ta’ dan il-festival prestiġġjuż, bil-kanzunetta Kant, b’mod speċjali fuq il-pjattaforma TikTok.
Sadanittant, il-Ħadd filgħodu, Miriana Conte iddaħħlet l-Isptar Mater Dei, b’xokk, wara li kellha inċident tat-traffiku, meta kienet fi triqtha għall-ewwel avvenimenti b’rabta ma’ din ir-rebħa.