Il-Parlament Ewropew jappoġġja l-ftehim innegozjat mill-MEP Miriam Dalli mal-Kunsill Ewropew biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 wara l-2020
Il-Parlament Ewropew appoġġja b’mod assolut l-leġiżlazzjoni biex jitnaqqas it-tniġġis mill- karozzi u vannijiet ġodda, kif innegozjat mill-MEP Laburista Miriam Dalli. Il-vot totali kien ta’ 521 favur u 63 kontra. Dan huwa l-vot finali minn naħa tal-Parlament Ewropew. Hekk kif il-Kunsill japprova l-istess rapport, il-leġiżlazzjoni li qed tiġi proposta ssir liġi.
Waqt dibattitu lbieraħ fil-Parlament Ewropew, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija Miguel Arias Cañete faħħar ix-xogħol imwettaq mill-MEP Maltija. Il-proposta tara li sal-2030, l-Unjoni Ewropeja timmira għal tnaqqis 37.5% fit-tniġġis minn karozzi u vannijiet ġodda.
“Illum qed nikkonkludu b’suċċess il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi standards ġodda għall-karozzi u l-vannijiet għall-perjodu wara l-2020. Dan kien possibbli grazzi għax-xogħol eċċellenti u l-isforzi kostruttivi tan-negozjaturi miż-żewġ istituzzjonijiet,” qal il-Kummissarju Ewropew, b’referenza għall-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.
“B’mod partikolari, nixtieq nirringrazzja lir-rapporteur Miriam Dalli għat-tmexxija tagħha f’dan il-file li diffiċli. Kien jeħtieġ ħafna dedikazzjoni minn naħa tagħha biex tlaqqa’ l-opinjonijiet differenti u tmexxi b’suċċess in-negozjati.”
MEPs oħra li tkellmu wkoll enfasizzaw il-professjonaliżmu ta’ Dr Dalli bil-mod ta’ kif mexxiet dan il-file kontroversjali u n-negozjati minkejja l-oppożizzjoni ħarxa li kien hemm fil-bidu.
Biex ukoll tindirizza tħassib mit-trejdjunjins, il-leġiżlazzjoni titlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tivvaluta l-possibbiltà li jinħoloq fond għal transizzjoni ġusta. Fost oħrajn, il-leġiżlazzjoni tintroduċi wkoll l-obbligu għall-Kummissjoni Ewropea li tissorvelja u tirrapporta data dwar il-miters tal-konsum tal-fjuwil biex tiżgura li, dak li huwa ttestjat fil-laboratorju u dak li fil-fatt joħroġ fit-toroq, ma jkunx hemm differenzi.
“Dan huwa pass ‘il quddiem biex niżguraw li l-Ewropa tkun fuq quddiem fejn tidħol it-teknoloġija ta’ vetturi li ma jniġġsux, minflok tiddependi fuq l-importazzjonijiet. Jiena konvint li din it-transizzjoni tista’ tiżgura l-kompetittività ta’ l-industrija tal-karozzi,” qalet Miriam Dalli.