Aktar minn 60 persuna li jirrappreżentaw l-industriji tal-karozzi, tal-enerġija, tal-manifattura tal-batteriji, tal-fjuwils, NGOs ambjentali, think tanks u organizzazzjonijiet tal-konsumatur ħadu sehem f’diskussjoni organizzata mill-MPE Laburista Miriam Dalli.
Id-diskussjoni, li saret fi Brussell, ġiet organizzata bi tħejjija għal-rapport li qed tipprepara Dr Dalli. Il-MPE Malti ġiet maħtura bħala rapporteur dwar il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet.
“Li naslu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, it-titjib tal-kwalità tal-arja għaċ-ċittadini tagħna, li nħeġġu lill-manifatturi biex jinvetsu fl-innovazzjoni u jwasslu riżultati tajbin għall-konsumaturi u l-ekonomiji mhix xi ħaġa faċli, però tista’ ssir,” qalet Dalli fil-ftuħ ta’ din id-diskussjoni.
Id-diskussjoni kienet immirata biex tħares aktar fid-dettal l-akbar kwistjonijiet tar-regolament u tevalwa l-kompetittività tal-industrija Ewropea u l-isfidi attwali fil-kompetizzjoni globali.
Id-diskussjoni ġabet flimkien l-industriji relevanti, NGOs u organizzazzjonijiet tal-konsumatur, fʾopportunità biex jgħidu dak li huma jemmnu li huma l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin biex l-Unjoni Ewropea taqleb għal vetturi b’emissjonijiet baxxi u vetturi b’emissjonijiet żero.
It-trasport huwa l-uniku settur fl-UE li ma rreġistra l-ebda tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra mill-1990. Dan huwa wieħed mill-isfidi ewlenin biex jintlaħqu l-miri tal-ftehim ta’ Pariġi.
L-emissjonijiet tat-trasport bdew jonqsu ftit wara l-2007, iżda għadhom ogħla mill-1990. Mill-mezzi kollha tat-trasport fl-UE, it-trasport bit-triq qed jiġġenera l-akbar sehem ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta ‘serra (72,8% fl-2014).
Skont statistika tal-2014, it-trasport fit-toroq jikkawża ftit iktar minn 20% tal-emissjonijiet totali ta’ CO2 tal-UE (karozzi u vannijiet madwar 15% u vetturi tqal xi 6%). Meta niġu għall-fjuwils, it-trasport fl-UE għadu dipendenti ħafna fuq iż-żejt (kważi 94% tal-enerġija kkunsmata bit-trasport fl-2014, li 88,2% minnhom huma importati).
Wara deċennji ta’ dipendenza fuq fjuwils fossili fit-trasport, il-bidla għal vetturi b’emissjonijiet baxxi u vetturi b’emissjoni żero għandha l-potenzjal li ġġib titjib immedjat u tanġibbli għall-bliet u l-komunitajiet, b’ambjent aktar nadif u tajjeb għas-saħħa.