Il-Membru parlamentari Ewropew Miriam Dalli talbet lill-Kummissjoni Ewropea biex tassigura li l-provvista tal-elettriku mill-interconnector bejn Malta u Sqallija ma tkunx imfixxkla.
It-talba tal-ewroparlamentari Laburista saret wara li fl-aħħar jiem, il-Viċi Prim Ministru Taljan Luigi Di Maio rabat l-użu tal-interconnector bejn Malta u Sqallija mal-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
B’reazzjoni għal dan id-diskors, Miriam Dalli qalet li l-interconnector bejn Malta u Sqallija sar biex tintemm l-iżolazzjoni tal-gżejjer Maltin min-network tal-enerġija Ewropew permezz ta’ substation f’Ragusa waqt li tassigura is-sigurtà tal-provvista għal Malta.
Dr Dalli staqsiet lill-Kummissjoni jekk id-diskors minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea hux aċċettabbli u kif kienet se tassigura li proġetti li għandhom interess komuni, ma jintużawx biex tiġi mhedda s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ stat membru.