Waqt żjara f’kumpanija f’Malta li timmanifattura l-aċċessorji għall-batteriji tal-karozzi fost l-oħrajn, l-ewro-parlamentari Laburista Miriam Dalli saħqet fuq il-bżonn tar-riċerka biex inkomplu niżviluppaw dan il-qasam.
Miriam Dalli faħħret lill-kumpanija Abertax li qed tagħmel isem pajjiżna fuq quddiem nett ta’ industrija li normalment ma nidentifikawx lil pajjiżna magħha.
Waqt żjara f’kumpanija li timmanifattura l-aċċessorji għall-batteriji, l-ewro-parlamentari Laburista Miriam Dalli aċċennat għal aktar investiment finanzjarju fir-riċerka sabiex dawk li jimmanifatturaw f’Malta jibqgħu kompetittivi.
Miriam Dalli ltaqgħet mal-amministrazzjoni u l-ħaddiema tal-kumpanija Abertax Technologies Limited.
Din il-kumpanija tesporta l-aċċessorji tal-batteriji li jintużaw f’vetturi elettriċi fost l-oħrajn, bir-riċerka u l-innovazzjoni hija parti integrali mill-ħidma ta’ din il-kumpanija.
Dr Dalli rrikonoxxiet li kien hemm titjieb fil-budget allokat għar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna iżda saħqet li hemm ħafna iżjed xi jsir hekk kif l-investiment f’dan is-settur jammonta għall-inqas minn wieħed fil-mija tal-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna.
B’referenza għall-industrija tal-batteriji, inkluż dawk għal vetturi elettriċi, Dr Dalli spjegat kif din l-industrija qiegħda kulma jmur ikollha rwol aktar importanti, b’mod speċjali minħabba l-liġijiet Ewropej mmirati biex jonqsu l-emmissjonijiet tal-vetturi, leġislazzjoni li Dalli qed tmexxi bħalissa fil-Parlament Ewropew.
“Naħseb dan huwa eżempju ċar fejn meta tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp tkun tista’ twassal il-kumpanija tiegħek ħafna aktar ‘il quddiem anki f’qasam li s-soltu ma niddentifikawx lil pajjiżna miegħu, jiġifieri l-qasam tal-vetturi u l-qasam tal-mobbiltá u t-trasport.”
L-ewro-parlamentari Maltija esprimiet ukoll is-sodisfazzjon tagħha li f’pajjiżna għandna kumpanija li f’din l-industrija qed tkun minn ta’ quddiem fejn jidħol riċerka u żvilupp.