Pjanijiet biex l-industriji jkunu innovativi u jiġġieldu t-tibdil fil-klima ddgħajfu kompletament wara li fazzjonijiet konservattivi fil-Parlament Ewropew ivvutaw favur emendi li marru kontra l-ftehim milħuq fil-Kumitat tal-Ambjent f’Diċembru li għadda.
L-Unjoni Ewropea hi t-tielet l-akbar pajjiż li jniġġeż l-arja u s-sistema magħrufa bħala Emissions Trading System (ETS) li ttieħed vot dwarha fil-Parlament Ewropew tkopri aktar minn 11,000 installazzjoni enerġetika u industrijali, u tammonta għal 50% tal-emissjonijiet serra. F’Malta din is-sistema tkopri l-Power Station ta’ Delimara. L-ETS ħafna drabi kienet deskritta bħala l-għodda ewlenija li tista’ tgħin lill-Unjoni Ewropea tilħaq il-miri klimatiċi tagħha, u tilħaq l-obbligi tagħha biex tindirizza t-tibdil fil-klima skond il-ftehim ta’ Pariġi.
Il-Kumitat tal-Ambjent laħaq kompromess f’Diċembru li għadda li kien deskritt bħala pass fid-direzzjoni t-tajba biex jibda jindirizza t-tibdil fil-klima u l-ħtigijiet tal-Industrija imma bil-vot tal-Parlament Ewropew kollu kemm hu illum, l-Unjoni Ewropea marret lura mill-miri tagħha tal-ftehim ta’ Pariġi li kien rratifikat ftit tax-xhur ilu biss.
L-MEP Miriam Dalli, kelliema għas-Soċjalisti u Demokratici qalet li, “ir-rapport li ġie addottat fil-Parlament mhux se jwassal għal sistema li verament tindirizza t-tibdil fil-klima, tippromwovi l-innovazzjoni u tgħin tipproteġi l-impjiegi. Għal kuntrarju dan il-vot juri kif membri konservattivi tal-Parlament Ewropew jippreferu jagħmlu diskorsi sbieħ dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, u fl-istess ħin iridu jibqgħu iħallu lill-industriji kbar li għandhom lobbies b’saħħithom jibqgħu jniġġżu mingħajr kontroll xieraq. Ċertu setturi industrijali li m’għandhom l-ebda inċentiv jinnovaw se jibqgħu għaddejin qisu xejn m’hu xejn b’impatt negattiv għall-kompetittività tagħhom u s-soċjetajiet tagħna.”
“Bħala Soċjalisti u Demokratiċi dejjem ridna nirreġistraw progress posittiv fuq tliet temi ewlenin: il-klima, l-industrija u s-soċjetà. It-tranżizzjoni lejn soċjetà low-carbon taħdem biss jekk dawn it-tlett aspetti jingħataw l-istess importanza. Dan hu dak li rnexxilna nagħmlu fil-kumitat tal-Ambjent imma li sfortunatament ma ġiex appoġġjat fil-plenarja,” temmet tgħid Dr Dalli.
Il-vot fil-Parlament Ewropew kien ta’ 379 vot favur sistema dgħajfa tal-ETS, b’263 vot kontra u 57 astensjoni.