Miriam Dalli hija fost l-MEPs rebbieħa fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-MEP Awards, bl-unur tal-aħjar MEP tas-sena għall-qasam tas-Saħħa Pubblika. Fi stqarrija tal-Partit Laburista ntqal li dan jirrikonoxxi l-ħidma fi promozzjoni effettiva u soluzzjonijiet ta’ implimentazzjoni ghal kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika fl-Unjoni Ewropea.
Dalli ngħatat dan l-award wara li ġiet rikonoxxuta mill-magażin influwenti The Parliament Magazine bħala figura attiva ħafna fil-qasam tal-kura tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea minn kemm ilha li telgħet fil-Parlament Ewropew.
B’reazzjoni għal dan l-unur Miriam Dalli qalet, “kwalunkwe rikonoxximent huwa ta’ sodisfazzjon imma dan għalija hu biss il-punt ta’ tluq. Huwa mument fejn inħares b’sodisfazzjon lejn ix-xogħol li għamilt s’issa imma nħares ‘l quddiem b’impenn biex inkompli nkattar il-ħidma tiegħi favur kwalità ta’ saħħa aħjar għaċ-ċittadini.”
Hi kienet minn ta’ quddiem nett li ħadmet favur il-ħtieġa ta’ sforzi akbar fl-Unjoni Ewropea biex ikun indirizzat il-kanċer tas-sider. Dr Dalli, bħala kordinatur tas-Soċjalisti u Demokratiċi ippromwoviet ukoll ħidma favur trattamenti aktar innovativi għal kanċer tat-tfal.
L-MEP Laburista, sew fl-Unjoni Ewropea u anke’ f’Malta ġiet meqjusa bħala figura ewlenija fil-ħidma tagħha favur kuxjenza akbar dwar l-awtiżmu b’impenn qawwi favur il-bżonn li jkun hemm aċċess akbar edukattiv għal tfal bil-kundizzjoni tal-awtiżmu.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, Miriam Dalli kienet ukoll waħda minn tlett MEPs magħzula għall-unur tal-aħjar MEP tas-sena fil-qasam tal-ambjent.