L-Ewroparlamentari tal-Partit Laburista Miriam Dalli ħeġġet lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin biex jagħtu l-appoġġ meħtieġ lill-bdiewa u r-raħħala billi jixtru prodotti lokali.
“Ħafna drabi nkun ġo supermarkets u nibda nara prodotti bħal tuffieħ li tgħidx kemm ikunu jleqqu. Hemmhekk tinduna li dan il-frott jkun mimli kimika li mhix tajba għal saħħitna. Tibda tapprezza aktar kif daqs il-prodott agrikolu Malti, l-kwalità tiegħu ma ssibx,” qalet Miriam Dalli waqt li kienet qed tindirizza attività politika fir-Rabat.
Saħqet dwar il-ħtieġa li aktar żgħażagħ jersqu lejn dan is-settur biex l-agrikoltura Maltija tibqa’ ħajja filwaqt li b’mezzi innovattivi illum wieħed seta jkabbar ħxejjex u frott ta’ kwalità anke f’ambjent restritt u fi klima differenti.
Dr Dalli qalet li l-appoġġ lill-bdiewa u r-raħħala irid jiġi kemm mill-Gvern kif ukoll mill-konsumaturi. Żiedet illi l-prodotti lokali huma ġenwini u tajjeb li l-konsumatur ikun jaf li dak li qed jikkonsma mhuwiex ta’ ħsara għall-saħħtu.
“Għandna prodotti ta’ kwalità anke meta mqabbla ma’ prodotti barranin. Huwa importanti li jekk irridu nsostnu dan is-settur naħdmu aktar biex nattiraw aktar żgħażagħ.”
Barra minn hekk, li wieħed jappoġġja prodotti lokali huwa importanti meta tqis li ħafna drabi, l-Unjoni Ewropea toħroġ bi proposti li huma ta’ one-size-fits-all. Hawnhekk, l-Ewroparlamentari insistiet li hemm bżonn aktar simplifikazzjoni fl-aċċess għall-fondi.
Sfida oħra għall-bdiewa hija l-estremitajiet fit-temp, frott it-tibdil fil-klima.
Dr Dalli rrimarkat kif ltaqgħet ma’ bdiewa li urew interess fil-protezzjoni ta’ dan is-settur u kif kienu qed jagħmlu użu minn sistemi innovattivi biex jagħmlu tajjeb għall-isfidi differenti.
“Riċentament iltqajt ma’ bdiewa li qed ifittxu li jkun aktar innovattivi bil-mod ta’ kif per eżempju jutilizzaw l-ispazju tagħhom,” qalet Dr Dalli, waqt li rreferiet għal tip ta’ ħidma fejn il-frott u ħxejjex jiġu mkabbra f’livelli differenti fuq xulxin.