L-MPE Miriam Dalli intagħżlet bħala waħda mill-iktar membri parlamentari ewropej influwenti f’dik li hija politika dwar l-ambjent. Għażla li fost oħrajn ikkunsidrat ħmistax-il vot kruċjali u kontroversjali biex jara liema Membri Parlamentari Ewropej ħadu pożizzjoni favur l-ambjent. Dalli ntgħażlet bħala waħda mill-aktar MEPs progressivi f’dan is-settur.
Filfatt, hija ukoll il-ko-ordinatur tal-kumitat ENVI f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi u kienet ukoll shadow rapporteur ta’ numru ta’ rapporti dwar l-ambjent fil-Parlament Ewropew fosthom dwar l-emissjonijiet.
L-għażla ta’ Vote Watch Europe, is-sit elettroniku li ppubblika din il-lista, kienet ibbażata fuq numru ta’ kriterji li fost oħrajn jinkludu l-mod ta’ kif il-MPEs ivvotaw fil-Parlament Ewropew, l-influwenza tagħhom fil-kumitat ENVI, kif ukoll ix-xogħol li għamlu għall-Konferenza dwar il-klima li saret f’Pariġi.
Din il-lista, li tinkludi l-aktar MPEs influwenti fil-qasam tal-ambjent kienet verifikata minn 200 espert.
Fil-kummenti tagħha lil one.com.mt l-MPE Miriam Dalli stqarret li dan ir-riżultat jagħmilha aktar determinata li tkompli taħdem favur leġiżlazzjoni ambjentali aktar b’saħħitha u aktar progressiva.
“Ambjent aħjar iffisser kwalità ta’ ħajja u livell ta’ saħħa aħjar. Impjenata li nkompli naħdem biex nikkonvinċi aktar nies biex verament naraw id-differenza u ngawdu l-benefiċċji ta’ ambjent aħjar. Ambjent aktar b’saħħtu jfisser dinja aħjar għalina u għat-tfal tal-lum u għada,” temmet tgħid Miriam Dalli.