Il-Membru Ewro Parlamentari Maltija Miriam Dalli għamlet appell lill-Kummissjoni Ewropea biex tħares l-obbligi legali tagħha u tidentifika u tneħħi mis-suq kimiċi li jagħmlu l-ħsara u li huma endocrine disruptors.
Dawn huma kimiċi kapaċi jaffettwaw l-ormoni tan-nies u jistgħu jwasslu għal tumuri, difetti fi trabi u jistgħu anke jaffettwaw is-sistemi riproduttivi tal-bnedmin.
“Il-Kummissjoni Ewropea għandha tpoġġi saħħet in-nies qabel kull interess ieħor u taġixxi issa.” qalet il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli.
Dan l-appell sar wara li l-Qorti Ewropea f’Diċembru li għadda ddecidiet li l-Kummissjoni Ewropea għandha tibda taħdem biex tneħħi mis-suq sustanzi li jagħmlu ħsara.
F’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Kumitat tal-Ambjent, Miriam Dalli appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex tibda tidentifika dawk is-sustanzi li huma endocrine disruptors. Fakkret li l-Kummissjoni Ewropea kellha tagħmel dan sa Dicembru 2013, imma sal-lum baqgħet m’għamlitx hekk.
“Għalina dan mhux aċċettabbli. Qed nitkellmu dwar sustanzi li jinsabu f’ħafna prodotti u ċ-ċittadini għandhom kull dritt ikunu jafu liema prodotti huma affettwati” żiedet tgħid Miriam Dalli.
F’riżoluzzjoni li ġiet approvata mill-Parlament Ewropew u li tressqet mis-Soċjalisti u d-Demokratiċi flimkien ma’ gruppi politiċi oħra, kien sostnut li l-Kummissjoni Ewropea għandha taddotta kriterji xjentifiċi biex tidditermina liema sustanzi jagħmlu ħsara u għandhom proprjetajiet li huma endocrine disruptors.
Għada għaddejja l-kontroversja dwar l-użu tas-sustanza glyphosate fl-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri m’appoġġjawx proposta biex ikun hemm estensjoni ta’ sentejn għall-awtorizzazzjoni tal-glyphosate. Filwaqt li numru ta’ pajjizi astjenew, Malta vvutat kontra l-estensjoni tal-użu tal-bexx imsemmi, li filwaqt li joqtol ħaxix ħażin, potenzjalment jista’ jwassal għall-kanċer.