L-età mhix ta’ ostaklu biex taħdem għal dak li temmen fih, l-Ewroparlamentari tal-Partit Laburista Miriam Dalli tgħid lill-Greta Thunberg, nnominata għall-Premju Nobel għall-Paċi
Il-Membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli ħeġġet lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jimxu fuq il-passi ta’ Malta u jagħtu d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena. Dr Dalli qalet dan lil Greta Thunberg – li hi nominata għall-Premju Nobel għall-Paċi – waqt laqgħa tal-kumitat Parlamentari dwar l-ambjent.
“Irrid naħdmu aktar biex iż-żgħażagħ ikollhom vuċi fid-deċiżjonijiet li qed nieħdu għax huma dawk li se jkunu qed jesperjenza l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet,” qalet Miriam Dalli.
Il-kumitat tal-ambjent laqa’ lil Greta, tfajla ta’ 16-il sena attiva kontra t-tibdil fil-klima. L-attiviżmu tagħha ta bidu għall-moviment internazzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u wassal għall-protesti globali, inkluż f’Malta.
“Bħala omm ta’ żewġ ulied naqsam it-tħassib tiegħek dwar il-futur taż-żgħażagħ u t-tfal. In-nies f‘din il-kamra bħalissa qed jappoġġjawk għal dak li qed tgħid iżda meta niġu biex nattwaw – meta niġu għal-leġislazzjoni attwali – wħud minn dawn l-istess nies jimbuttaw għal inqas ambizzjoni.”
Dalli mexxiet in-negozjati fil-liġi biex jitnaqqas it-tniġġis mill-karozzi, liema liġi se tiġi ffirmata llum fi Strasburgu. Din il-liġi iżda sabet oppożizzjoni inizjali minn lobbyists u stakeholders differenti.
Fil-messaġġ tagħha lill-Parlament Ewropew, Greta Thunberg iddeskriviet lilha nnifisha bħala tfajla ta’ 16-il sena mingħajr, id-dritt tal-vot. “Dalwaqt se jkollna l-elezzjonijiet tal-UE u ħafna minnha, min se jkun affettwat minn din il-kriżi, m’għandniex id-dritt tal-vot […] Hemm bżonn li intom tisimgħuna. Lilna li ma nistgħux nivvutaw. Tridu tkun l-vuċi tagħna.”
Miriam Dalli qalet li l-Parlament Ewropew irid jimbotta biex aktar żgħażagħ ikollhom vuċi fid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu.
“Għax għandek 16-il sena ma tistax tivvota. Iżda pajjiżi bħal Malta u l-Awstrija dan id-dritt tawh u bħala Parlament Ewropew rridu nżidu l-pressjoni biex aktar pajjiżi jagħtu vuċi liż-żgħażagħ daqshekk.”
Dr Dalli ħeġġet lill-attivistà żagħżugħa biex tkompli tħaddan id-determinazzjoni u l-perseveranza. “Tgħid li inti biss studenta ta’ 16-il sena. Jien niġi mill-iżgħar pajjiż. Mhux l-età jew il-kobor tal-pajjiż minn fejn tiġi li tgħodd, iżda d-determinazzjoni li taħdem għall-bidla. Id-determinazzjoni tiegħek qed tħalli impatt kemm fuq l-istudenti u kif ukoll fuq ġenerazzjonijiet akbar.”
L-MEP Maltija ħeġġet lill-mexxejja Ewropeja biex jimplimentaw dak li jwiegħdu. “Inutli li l-mexxejja Ewropej jagħmlu diskorsi sbieħ favur il-klima iżda mbagħad iwettqu ftit. Jekk mhux se nieħdu ħsieb il-pjaneta tagħna, la se jkollna ekonomiji u lanqas xogħolijiet x’nipproteġu.”