Il-Viżjoni Malta 2050 se tkun qed tpoġġi miri ambizzjużi li iżda jistgħu jintlaħqu għaliex il-pajjiż għandu l-finanzi fis-sod u s-suq privat qiegħed jkun proattiv.
Dan saħqu l-Ministru Silvio Schembri li huwa responsabbli minn din il-viżjoni spjega kif din se tkun viżjoni differenti minn oħrajn li diġà rajna għaliex se tkun qed tinkorpora oqsma differenti.
Hawn spjega kif din il-viżjoni se tkun qed tpoġġi ‘l quddiem miri ċari li għandhom jintlaħqu, miri li m’humiex ta’ Gvern jew ieħor iżda tal-pajjiż kollu kemm hu.
Meta kien mistoqsi dwar il-fatt li din il-viżjoni se tkopri ħamsa u għoxrin sena b’miri intermedjarji għal għaxar snin oħra, huwa wieġeb li f’termini ta’ pajjiż dan huwa żmien relattivament qasir li iżda d-direzzjoni politika trid tieħu lil pajjiż ‘l quddiem trid tkun ċara.
Il-Ministru Schembri kompla jispjega wkoll il-fatt li din il-viżjoni qed tara li tinkorpora fiha aspetti li jmorru lil hinn mit-tkabbir ekonomiku. Għaldaqsant, qed tara li tkun qed tieħu inkonsiderazzjoni aspetti soċjali diversi. Dan se jkun qed isir b’kunċetti bħall-Indiċi tal-Iżvilupp Uman tal-Ġnus Magħquda, li jinkorpora fih aspetti bħas-saħħa u l-edukazzjoni fost l-oħrajn.
Dan it-tip ta’ kejl magħqud mad-dħul medjan se jkunu qegħdin jaraw il-progress tas-soċjetà b’mod aktar realistiku. Il-mira tal-Gvern hija li d-dħul medjan ta’ pajjiżna jkompli jitla’ għal aktar mill-medja Ewropea. Aspetti oħra bħall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin liberu wkoll se jkunu mkejla.
B’rabta mal-missjoni li qed timxi fuqha din il-missjoni, Schembri tkellem kif dan huwa mibni fuq ħafna ħsieb biex anki l-karatteristiċi uniċi ta’ pajjiżna jibqgħu jiġu mħarsa.
Huwa temm jispjega kif issa d-dokument se jkun qed imur għall-konsultazzjoni pubblika li se tgħarraf id-dokument finali. L-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni se tkun qed titmexxa minn unit mmexxi mill-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia, li se jkun qed jikkordina tim interministerjali biex titwettaq din il-ħidma.