Daħlu fis-sit tal-eks Malta Shipbuilding f’Awwissu ta’ tliet snin ilu bi pjan għal għaxar snin, biex b’investiment ta’ ħamsa u ħamsin miljun ewro dan is-sit mitluq jinbidel f’ċentru ta’ eċċellenza għall-industrija taż-żejt, u għas-settur marittimu.
Illum ix-xogħol fil-Malta Maritime Hub, għalkemm minn barra mhux faċli tosservah, miexi ġmielu, tant li fi kliem ic-Chairman Paul Abela, mistenni jitlesta ferm qabel:
“Qegħdin ħafna iżjed avvanzati. Naħseb sal-5 jew is-6 sena hawnhekk ikun fully fledged, issettjat. Ikun ċentru t’attività ta’ ċertu klassi”.
Fost l-ewwel xogħlijiet li saru, is-Sur Abela spjegalna li kien hemm sfida kbira biex jitnaddaf il-qiegħ tal-baħar.
“U dik l-ikbar sfida ngħid jiena, kif wieħed kien se jnaddaf qiegħ il-baħar mill-imbarazz li kien hawn u anke biex jitneħħa l-materjal kontaminat li kien hawn f’qiegħ il-baħar”.
Il-proċess sar bl-għajnuna ta’ kumpaniji barranin, u eventwalment rebaħ unur internazzjonali għall-mod kif sar ix-xogħol:
“Għamilna l-ewwel fażi. Mela llum għandna fond ta’ bejn 10.5 u 11 minn 6 metri, u neħħejna l-wiċċ kontaminat li kien hawn hawn ġewwa kollu”.
Dan ix-xogħol, flimkien max-xogħol fil-mollijiet, fisser li sakemm għaddejja iżjed ħidma ta’ żvilupp, inħolqot attività biex is-sit diġà qed jilqa’ xi klijenti, u vapuri kbar.
Dan iċ-ċentru għadu kemm investa wkoll f’żewġ travel hoists li jifilħu bastimenti tqal bejn tliet mitt u seba’ mitt tunnellata:
“Nistgħu klijent li għandu bżonn itella’ jispezzjona, jiċċertifika, bastiment ta’ ċertu qies, 50 jew 60 metru, jista’ jiġi hawn, mal-aġent tiegħu u aħna noffrulhom dak is-servizz”.
Dan kollu bil-għan li l-faċilitajiet taċ-Ċentru jintużaw mhux biss mill-kumpanija, imma mill-industrija:
“Is-servizz qiegħed għall-industrija, mhux qedgħin aħna nagħmluh direttament aħna. Qegħdin noffruh għall-industrija biex nistimulaw il-kumpaniji fis-settur imbagħad ikollhom il-faċilitajiet”.
Qal li t-triq hi jinfetħu u mhux jingħalqu fihom infushom u joffru l-faċilitajiet u jilqgħu fi ħdanhom kumpaniji speċjalizzati, biex flimkien jiġbdu l-investiment u joħolqu x-xogħol.
Qal fiċ-ċentru għaddejjin b’wieħed mill-ikbar proġetti offshore tal-Libja, u xogħol ta’ manutenzjoni fuq tagħmir li xogħlu hu fil-Baħar l-Iswed.
Tenna li dan il-proġett qed jittieħed b’serjetà kbira, u beda u qed isir fil-kuntest tal-iżvilupp li qed isir fir-riġenerazzjoni tal-Marsa, ir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, u l-kunċett ta’ Malta Suċċess:
“Aħna qed niffukaw li l-Maritime Hub ikun ċentru t’eċċellenza, f’Malta Suċċess. Ma tistax toftomhom minn ma xulxin. Jekk noftmuhom se mmorru ħażin żgur”.
Is-Sur Abela qal li b’ideat li jimmassimizzaw il-kapaċità ta’ x’jista’ joffri l-hub, mistenni jinqabeż l-investiment inizjali ta’ 55 miljun ewro li diġà nqabeż nofsu.