Inqas minn ġimgħa mindu pajjiżna jerġa’ jibda jilqa’ t-turisti, il-mira tal-Gvern hi li sal-aħħar ta’ din is-sena, mas-seba’ mitt elf turist jirfsu artna.
Fil-Parlament, l-Erbgħa filgħaxija, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli tkellmet fuq din il-mira ambizzjuża hekk kif fl-aħħar tliet xhur u nofs, it-turiżmu ħa daqqa bħal kumplament tad-dinja minħabba l-pandemija.
“Irrid nara li sal-aħħar ta’ din is-sena jkollna minn tal-inqas seba’ mitt elf turist. Ambizzjuża din il-figura? Hija għolja? Eħe rridu nimmiraw għall-għoli. Ma nistax jiena nikkuntenta biex ngħidu sal-aħħar ta’ din is-sena jkollna ħamsin elf turist, le. Irridu nkomplu nintensifikaw il-ħidma tagħna biex aktar turisti jersqu lejn Malta.”
Il-Ministru Farrugia Portelli aċċennat għal kif il-Gvern salva mal-mitt elf impjieg u kien l-uniku pajjiż li qabad ħames miljun ewro u investihom fil-ħaddiema li jaħdmu mat-turisti biex dawn jitħarrġu.
Hija spjegat kif din is-sena bdiet tajjeb fejn kellna numru ta’ turisti li jiżboq dawk tas-sena ta’ qabel.
“Kienu l-aqwa Jannar u Frar fl-istorja tat-turiżmu f’pajjiżna. Kellna diġà tliet mitt elf turist illi ġie f’pajjiżna u xi tfisser din il-figura? Tfisser żieda fuq l-istess perjodu ta’ 16.7%. Din hija l-ekwivalenti ta’ 50,000 turist aktar minn fuq is-sena ta’ qabel.”
Permezz tal-kampanja oħlom issa u żurna ‘l quddiem, pajjiżna kien fost il-ftit pajjiżi li ma qatax ir-reklamar biex jiġbed lejh turisti għal wara l-imxija.
Sa minn April kienet għaddejja din il-kampanja u fuq l-aġenzija Amerikana tal-aħbarijiet, CNN, il-Ministru għat-Turiżmu semmiet l-importanza tat-turiżmu għall-ekonomija Maltija.
Qalet li filwaqt li Malta ma ddejqitx li tkun fost tal-ewwel fl-Ewropa li tagħlaq il-portijiet minħabba l-imxija, f’Marzu li għadda, issa kienet il-pijuniera biex toħloq dawk imlaqqma bħala safe corridors fejn il-pajjiż jiftaħ gradwalment għal ċertu destinazzjonijiet.
Mas-CNN, l-istazzjon li kien interessat dwar kif Malta ħarġet bl-unuri fil-kontroll tal-imxija, il-Ministru Farrugia Portelli qalet kif Malta tinsab mħejjija biex tibda tilqa’ l-ewwel turisti, li kif kien żvela dan l-istazzjon, sa mill-ewwel jum diġà kienu konfermati li se jżuru artna mat-tliet elef turist.
“I think that the success story about Malta was that we invested heavily in testing, one out of five citizens in Malta got tested and we only had nine people who died over the span of the past few months. So yes we’re ready, we’re prepared and our system is geared up to welcome the first tourists in eight days time.”