Deċiżjonijiet iebsin li jwasslu għal riżultati mixtieqa.
Dan kien il-messaġġ li xpruna l-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, u l-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Claudette Abela Baldacchino.
Il-Ministru Schembri, tkellem dwar kif it-tbassir ekonomiku ta’ pajjiżna huwa l-aqwa fl-Ewropa, kawża tal-irkupru b’saħħtu u reżiljenza anke fid-dawl ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent. Huwa kompla jispjega, kif il-mira tal-Gvern għal din is-sena, hija li pajjiżna jkollu l-akbar investiment dirett barrani.
Aċċenna wkoll għal rapport tal-Kummissjoni Ewropea, fejn bassar li l-ekonomija hija mistennija tikber b’4.6%, jiġifieri l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li elenka ħemel ta’ inizjattivi li kkontribwixxew b’mod pożittiv għat-tkabbir ekonomiku u l-ħarsien tas-sitwazzjoni finanzjarja f’pajjina, il-Ministru Schembri fakkar kif il-Gvern sab l-Oppożizzjoni topponi kull tip ta’ sostenn li ta l-Gvern lill-familji u n-negozji.
“Punti li ironikament, il-Partit Nazzjonalista, il-Kap tiegħu, kollha li b’xi mod jew ieħor, apparti li kien kontrihom, ipprova jirredikolahom. Niftakru, jekk insemmu l-wage supplement, jew fuq il-vouchers, kien sejħilhom soppa msaħħna, u li mhu se jwasslu mkien, jekk nitkellmu fuq il-miżuri tad-dawl u l-ilma, qalilna li jekk jogħlew barra, iridu jogħlew ġo pajjiżna wkoll, u li m’għandniex għalfejn nagħmluha, u l-aħħar miżuri ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, sejħilha li tfarfar iż-żebgħa.”
Min naħa tagħha, il-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Claudette Abela Baldacchino tkellmet dwar l-importanza tal-iżvilupp soċjali, hekk kif mingħajr żvilupp soċjali, ma jistax ikollna żviliupp ekonomiku.
Żiedet tgħid li ma jistax ikun hemm ġustizzja soċjali mingħajr prosperità ekonomika.
“M’hemmx kawżi soċjali b’saħħithom mingħajr pajjiż b’ekonomija b’saħħitha. Huwa għalhekk li hu kruċjali li nkomplu niksbu dawn ir-riżultati ekonomiċi. Fuq kollox, ma jistax ikollna żvilupp ekonomiku mingħajr żvilupp soċjali, però ejja niftakru wkoll li ma jistax ikun hemm ġustizzja soċjali mingħajr prosperità ekonomika.”