Il-Perit Dom Mintoff kien negozjatur kbir u, tul it-tmexxija tiegħu, wassal għat-twettiq ta’ riformi kbar għall-pajjiż, partikolarment dawk soċjali.
Innotat u fakkret dwar dan l-eks Membru Parlamentari Laburista Maria Camilleri, f’intervista ma’ ONE News, f’għeluq il-mija u tmin snin mit-twelid tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Dom Mintoff nhar is-6 t’Awwissu tal-1916.
Camilleri nnotat magħna li, sa minn ta’ età żgħira ħafna, kienet tisma’ ħafna mingħand il-qraba tagħha dwar il-“Perit”, kif baqa’ wkoll magħruf, u kellha x-xewqa partikolari li tiltaqa’ miegħu.
Waqt li kienet qed tistudja fl-Università, Camilleri kitbet it-teżi tagħha dwar l-eks Deputat Mexxej Laburista Ġużè Ellul Mercer, li kien ħadem mill-qrib ma’ Mintoff, fost l-oħrajn, fi żmien tad-Dnub il-Mejjet impost fuq l-attivisti u l-partitarji Laburisti.
Wara li lestiet din it-teżi, Camilleri riedet tippreżentaha lil Mintoff, dak iż-żmien Prim Ministru u Mexxej Laburista. Fil-fatt, marret speċifikament għal laqgħa, li saret il-Belt ftit qabel l-Elezzjoni tal-1976, biex tiltaqa’ mal-Perit Mintoff.
“U hemmhekk jien kont attendejt waħda minn dawn il-laqgħat li kien ikun hemm ta’ tħejjija u hemmhekk iltqajt miegħu. Kienu laqqgħuni miegħu, niftakar kien hemm miegħi lil, illum mejjet, il-mibki Lino Cassar ‘ix-Xewka’, u dan il-Perit qalli le, le mhux hawnhekk. Niftakar konna l-General Workers’ Union, qalli issa nibgħat għalik. U niftakar kien bagħat għalija u kont tlajt Kastilja ma’ ieħor Laburist kbir, kittieb ukoll, Geraldu Azzopardi. Minn hemmhekk, imbagħad, bdejt ukoll insir naf lill-Perit.”
Maria Camilleri – eks Deputata Laburista
F’dan il-perjodu, Camilleri bdiet togħġobha iżjed il-politika u bdiet tiela’ tarġa tarġa fl-istrutturi tal-Partit Laburista fi żminijiet li ma kinux faċli.
Hi bdiet fil-kumitat lokali Laburista tar-Rabat u wara daħlet fl-eżekuttiv, sakemm laħqet ukoll Viċi President tal-Partit.
Hi rrakkontat magħna kif, waqt konferenza ġenerali partikolari tal-Partit Laburista f’nofs it-tmeninijiet, kienet iddibattet mal-Perit Mintoff dwar mozzjoni favur id-divorzju.
“Kien dibattitu għax ħadu sehem bosta nies. Spiċċajna biex niddibattitu l-Perit Mintoff u jien. Qed niftakar, biex ngħidu hekk il-qiegħa bdiet tisħon, kien jidher li l-mozzjoni kienet se tgħaddi dak iż-żmien u kien bagħatli risposta biex inwaqqaf kollox u mbagħad inkellmek.”
Maria Camilleri – eks Deputata Laburista
Qalet li din il-mozzjoni ġiet posposta, b’Mintoff ikellimha wara l-konferenza u jgħidilha li hu wkoll jaqbel mal-proposta, imma ried li, f’dan il-perjodu, il-Partit Laburista jiddiskuti s-settur tal-edukazzjoni b’mod partikolari.
“U niftakar, li din nibqa’ ngħożżha, meta qalli proset, għax dan il-bniedem biex jgħidlek proset, naħseb jiena, kienet xi ħaġa rari. Imma dak ifisser li kien apprezza, anke l-isforz li kont qed nagħmel. U kien qalli, ħa ngħidlek ħaġa, qalli jien mhux ma naqbilx miegħek mad-divorzju, qalli ara taħseb, qalli imma jiena jekk jgħaddi biex jiġi biex jgħaddi d-divorzju, qalli d-divorzju jista’ jieħdu kulħadd u mhux min għandu l-flus biss u qalli ż-żgħir x’se jagħmel. Qalli f’dak ma naħsbux?”
Maria Camilleri – eks Deputata Laburista
Maria Camilleri semmiet kif, fis-sebgħinijiet, il-Gvern ta’ Mintoff daħħal riformi kbar, inkluż biex persuni omosesswali u prostituti ma jispiċċawx il-ħabs.
Tenniet kif Mintoff kien negozjatur kbir u tiftakar dwar il-konvinzjoni tiegħu waqt xi ikla li kienet preżenti għaliha mal-Perit Mintoff.
“Wieħed kien jara dan ir-raġel kien jasal fejn irid jasal, bl-argumenti tiegħu, kien kariżmatiku ħafna, anke meta kien qiegħed jitkellem man-nies. Anke fuq kwistjonijiet ta’ negozju u kien iġibhom xi kultant, kont ngħid ibellhek, għax kienu jaslu biex, imbagħad, jaqblu miegħu.”
Maria Camilleri – eks Deputata Laburista
Bla dubju, Camilleri semmiet kif Mintoff, li miet ukoll f’Awwissu ta’ tnax-il sena ilu, wettaq bosta riformi oħrajn, fosthom dawk soċjali.
“Meta tela’ fis-sebgħinijiet, biex ngħidu hekk, speċjalment it-tibdil li kien ġab fil-qasam soċjali, fil-qasam legali, fil-qasam mediku, fil-qasam edukattiv, fil-qasam industrijali. Dawn l-oqsma kollha baqgħu jiżviluppaw u llum il-ġurnata, ngħid, li kieku ma kienx għalih, li dawk iż-żminijiet għamel dawn ir-riformi kollha, kieku llum il-ġurnata m’aħniex fejn qegħdin.”
Maria Camilleri – eks Deputata Laburista