Fl-aħħar jiem tneħħew mas-seba’ mija u erbgħa u għoxrin tunellata ta’ skart minn żona viċin Pjazza San Nikola f’Ħaż-Żabbar, li għal snin twal kienet mitluqa, iżda issa qed titnaddaf mid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni biex dalwaqt tinbidel fi spazju miftuħ b’parkeġġi ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, żar ix-xogħlijiet li għaddejjin, li jinkludu t-tneħħija ta’ materjal tal-kostruzzjoni, veġetazzjoni u skart mormi illegalment.
L-art pubblika ta’ din iż-żona qed tiġi wkoll illivellata.
Is-Segretarju Parlamentari qal li qed isiru sforzi kbar biex l-indafa pubblika fil-lokalitajiet tkun mogħtija l-importanza mistħoqqa.
“Fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar qed noħolqu spazju ġdid miftuħ biex jintuża mir-residenti u dan hu r-riżultat tax-xogħol li nagħmlu flimkien mal-kunsill lokali, f’dan il-każ mal-kunsill ta’ Ħaż-Żabbar li qed naħdmu miegħu, għax meta naħdmu flimkien fi sforz kollettiv, joħroġ il-ġid għar-residenti.”
Il-pjani tal-kunsill lokali huma biex, ’il quddiem, din iż-żona tintuża fl-aħjar interess tar-residenti.