Rapport dettaljat fuq diversi oqsma maħruġ mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika jitfa’ dawl fuq il-ħajja f’Malta u f’Għawdex.
Filwaqt li ġie rreġistrat tkabbir fl-ekonomija u żidiet fil-qasam tax-xogħol, f’Malta u f’Għawdex kienu joqogħdu qrib in-nofs miljun ruħ.
Fil-fatt fl-elfejn u tmintax, il-popolazzjoni f’Malta kienet tgħodd għal ftit iżjed minn erba’ mija u sittin elf ruħ (460,171 persuna) u dik t’Għawdex kienet tgħodd għal ftit iżjed minn tlieta u tletin elf ruħ (33,388 persuna).
L-aktar li kien hawn nies f’pajjiżna kienu ġejjin mill-kategorija tal-età ta’ bejn it-tletin u d-disgħa u tletin sena.
L-NSO rrapporta wkoll li fl-elfejn u tmintax naqsu ż-żwiġijiet bi ftit aktar minn mija, fejn il-biċċa l-kbira tat-tnaqqis kien dovut li żżewġu ferm inqas nies f’Malta milli f’Għawdex.
Fis-sena msemmija kien hawn elfejn tmien mija u wieħed u tletin żwieġ li ġie reġistrat f’pajjiżna.
Is-sena l-oħra, qrib l-erba’ mitt elf vettura kienu liċenzjati biex jinstaqu fit-toroq.
Il-karozzi tal-passiġġieri kienu jgħoddu għal iżjed minn tliet kwarti tal-vetturi liċenzjati.
Iċ-ċitazzjonijiet mogħtija mill-pulizija s-sena l-oħra żdiedu b’sebgħa punt tlieta fil-mija fuq is-sena tal-qabel filwaqt li dawk mogħtija mill-uffiċjali fil-komunità naqqsu b’mod notevoli.
Fil-fatt fl-elfejn u dsatax kien hemm tnaqqis ta’ disgħa u għoxrin punt ħamsa fil-mija fiċ-ċitazzjonijiet li taw dawn l-uffiċjali tal-LESA.
L-aktar ċitazzjonijiet komuni kienu dwar veloċità eċċessiva li nqabdet mill-kameras li nsibu fit-toroq.
It-turiżmu s-sena l-oħra rrapporta riżultati b’saħħithom fejn ġew qrib iż-żewġ miljuni u tmien mitt turist jew ħamsa punt disgħa fil-mija iżjed mill-2018.
Fil-qasam ambjentali hemm ukoll ċifri notevoli fejn fost l-oħrajn żdied l-iġbir tal-materjal riċiklabbli u kważi ħamsa u disgħin fil-mija tal-iskart domestiku miġbur ma kienx ta’ periklu.
Sentejn ilu kien hemm ftit iżjed minn ħamsa u għoxrin elf pannella fotovoltajika li twaħħlet.