Fost id-diversi tradizzjonijiet li jsiru f’ċerti lokalitajiet partikolari, il-purċissjoni ta’ Ġesù Bambin hi fost l-aktar popolari fost il-Maltin.
L-ewwel purċissjoni li qatt seħħet f’pajjiżna kienet 103 snin ilu, proprju fl-1921 fil-Ħamrun mis-soċji tal-M.U.S.E.U.M. tal-lokal wara li s-Saċerdot u fundatur tal-istess M.U.S.E.U.M., San Ġorġ Preca, esprima x-xewqa tiegħu li ssir dimostrazzjoni bil-Bambin.
Il-pjan ewlieni tal-purċissjoni kien li ssir f’Lejlet il-Milied u jiġi misluf il-Bambin fil-Knisja tal-Franġiskani tal-Belt biex, bih, is-soċji tal-M.U.S.E.U.M. flimkien mal-pubbliku, iduru madwar it-toroq Ħamruniżi, filwaqt li jkantaw innijiet, b’mod partikolari dawk Kattoliċi.
Minn dakinhar, din il-purċissjoni nxterdet f’lokalitajiet oħrajn ta’ Malta u Għawdex u b’hekk ġiet stabbilita bħala waħda mill-akbar tradizzjonijiet tal-Milied li toffri pajjiżna, fost oħrajn.
Illum il-ġurnata, Malta mhix l-unika pajjiż li tiċċelebra t-twelid ta’ Ġesù Kristu permezz tal-purċissjoni, tant li pajjiżi oħrajn li jiċċelebraw permezz ta’ purċissjoni huma l-Awstralja, il-Kenja, il-Perù, l-Ingilterra, il-Polonja u l-Albanija.