Mejju bla riħ, il-biedja tifraħ bih. Hekk jgħid il-Malti, iżda dan jaf ma jkunx dejjem il-każ wara li, fi tmiem dan ix-xahar, reġa’ beda jagħmel ir-riħ u esperjenzajna wkoll ħalbiet iżolati ta’ xita tal-ħamrija.
ONE News tkellem ma’ Saviour Zerafa, bassar tat-temp fl-Uffiċċju Meteoroloġiku, li spjega kif temp bħal dak li esperjenzajna tul dawn l-aħħar jiem hu wieħed normali.
Sa issa Malta u Għawdex esperjenzaw jiem xemxin, bħal donnu daħal ġmielu s-sajf, iżda mil-lejl għan-nhar it-temp sar ċlampu, b’xita tal-ħamrija iżolata u riħ qawwi minn ħin għal ħin.
Zerafa spjega kif dan huwa normali meta jkun qed jaqleb it-temp, u qal li anke r-Rebbiegħa kienet waħda normali li ma tantx tinħass.
Spjega kif il-pressjoni titla’ ’l fuq u tibda testendi għal fuq il-gżejjer Maltin u b’hekk nesperjenzaw jiem sbieħ u ta’ bnazzi. Dan itella’ temperaturi għoljin. It-temp li kellna f’dawn l-aħħar jiem ta’ Mejju huwa xhieda ta’ kif l-arja bi pressjoni baxxa qed testendi fuq il-gżejjer tagħna mil-Libja.