Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jibdel il-pożizzjoni tiegħu dwar bini fil-konfini barra miż-żoni ta’ żvilupp (ODZ).
Minn xejn żvilupp ftit tax-xhur ilu, il-Partit Nazzjonalista kien semma li jaċċetta deċiżjonijiet f’każi eċċezzjonali u llum qed jgħid li għandhom ikunu l-politiċi li jiddeċiedu fuq żvilupp ODZ. Dan billi applikazzjoni ODZ titla’ Parlament u jkun hemm vot ta’ żewġ terzi.
F’laqgħa ma’ għaqdiet ambjentali l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, qal li jrid li jkun il-parlament u mhux il-gvern li jiddeċiedi fuq żvilupp ODZ. Anke jekk sal-lum huma awtoritajiet awtonomi li jiddeċiedu dwar żvilupp u mhux il-politiċi.
Kien fl-eqqel tal-kontroversja dwar l-Università Amerikana f’Malta li Busuttil għamel dikjarazzjonijiet ċari ħafna. Biex imbagħad beda jmur lura minnhom. Saħansitra kien hemm esponenti oħra tal-Partit Nazzjonalista li qalu li ħadd ma jista’ jeskludi għal kollox żvilupp ODZ. Fosthom il-whip tal-grupp parlamentari, David Agius.