Irridu nbiddlu l-Mediterran minn baħar ta’ traġedji għal baħar t’opportunitajiet u l-Fondazzjoni għat-Turiżmu fil-Mediterran se tgħin li dan iseħħ. Qal dan il-Prim Ministru f’ laqgħa mal-bord tal-amministraturi tal-fondazzjoni.
Biex dan iseħħ, Muscat identifika tliet sfidi- l-assigurazzjoni tas-sigurta’ għal kull min jgħix u jżur il-pajjiżi Mediterranji, sforz biex il-baħar u l-ambjent ta’ madwar ikunu mħarsa u miżmuma fl-aħjar stat u li l-pajjiżi jkunu kapaċi jadattaw għall-avvanzi teknoloġiċi, biex jibqgħu kompetittivi u jipproteġu lill-konsumatur.
Filwaqt li esprima s-sodisfazzjon li l-Gvern Malti qiegħed jinvesti f’ din il-fondazzjoni appella biex iktar gvernijiet jipparteċipaw u jinvestu l-kapital huma wkoll.
Il-qafas huwa msejjes fuq tliet punti ewlenin. Propju d-djalogu bejn il-partijiet interessati, l-edukazzjoni; permezz tat-twaqqif ta’ ċentru t’eċċellenza għat-turiżmu u l-ospitalità fil-Mediterran; u l-attivitajiet; fosthom is-summit li ta’ kull sena jiġbed ‘il fuq minn tmien mitt uffiċjali minn madwar id-dinja.
Il-Ministru għat-Turizmu Edward Zammit Lewis tenna li l-prijoritajiet tal-fondazzjoni jimxu id f’id mal-politika tal-gvern.
Il-board tal-fondazzjoni fakkret li l-Mediterran jilqa’ terz tat-turiżmu globali, għaldaqstant huwa ż-żmien opportun li din ir-rata tkun salvagwardjata permezz tat-tnedija tal-fondazzjoni li se tgħaqqad is-settur turistiku mal-legislatur.