L-eks teżorier tal-Partit Nazzjonalista Boris Xerri nħatar Direttur tal-uffiċċju elettorali tal-Partit Nazzjonalista, l-ELCOM.
Irrapportat dan il-gazzetta The Malta Independent wara li s-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech tella’ ritratt tiegħu ma’ Boris Xerri u mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Boris Xerri kien teżorier fiż-żmien li l-Partit Nazzjonalista kien immexxi mill-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi u Pawlu Borg Olivier li kien fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali.
Fi żmien li Xerri kien teżorier tal-Partit Nazzjonalista bdiet toħroġ beraħ il-problema ta’ finanzi u djun li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Boris Xerri kien issemma fit-tagħrif tal-Konsorzju ta’ Ġurnalisti Internazzjonali, l-ICIJ, dwar kumpanija li kienet oriġinarjament reġistrata f’Malta u wara fil-British Vergin Islands. Hawnhekk Xerri kien ġie nnominat bħala direttur fiduċjarju ta’ din il-kumpanija sa ma ngħalqet fl-2012.
Fl-Awwissu li għadda, Xerri kien wieħed minn dawk li ffirma petizzjoni li wasslet għall-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia.
Is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li Zammit Dimech qiegħed jipproponi lil Dennis Zammit biex jassisti lil Xerri biex imexxu l-magna elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Zammit kien ukoll wieħed mir-rappreżentanti li ressaq il-vot ta’ sfiduċja f’Delia li m’għaddhiex wara li kiseb żewġ terzi tal-voti tal-kunsillieir biex jibqa’ fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Il-gazzetta qalet li bosta fid-Dar Ċentrali qed jinterpretaw dawn il-ħatriet bħala mossa oħra biex jaqtgħu saqajn it-tmexxija ta’ Delia. Dan wara li fl-aħħar ġimgħat tilef żewġ alleati ewlenin fosthom lil Clyde Puli minn Segretarju Ġenerali u Kristy Debono minn President tal-Kunsilli Ġenerali. Huwa mistenni jitlef ukoll lill-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo minkejja li qed isiru attenti biex dan jibqa’ fil-kariga għax reġgħu ma jistgħu jsibu lil ħadd biex joqgħod teżorier tal-Partit Nazzjonalista. Kariga li marbut magħha hemm miljuni kbar ta’ dejn li akkumulaw nies li issa reġgħu bdew deħlin f’pożizzjonijiet ewlenin fil-Partit Nazzjonalista!