Aktar minn nofs il-binjiet f’Gaza nqerdu jew saritilhom ħsara, minn meta Iżrael irritalja għall-attakki tal-Hamas fis-sebgħa t’Ottubru.
Dan joħroġ minn analiżi ġdida li waslet għand il-BBC, u li turi ritratti dettaljati ta’ Gaza, qabel u wara l-bombardamenti.
Dawn ir-ritratti juru kif il-bombardamenti intensifikaw mill-bidu ta’ Diċembru, bil-belt ta’ Khan Younis hija l-iktar li sofriet mill-azzjonijiet militari ta’ Iżrael.
F’Gaza, żoni residenzjali nqerdu għal kollox, toroq magħrufin għax-xiri u universitajiet spiċċaw kollhom tifrik, filwaqt li eluf ta’ tined jidhru mal-fruntiera tan-naħa t’isfel biex jagħtu kenn lil eluf ta’ persuni li spiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Aktar minn miljun u nofs persuna, jiġifieri aktar minn tmenin fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Gaza, kellhom jitilqu minn djarhom, li nofshom qegħdin marsusin ġo xulxin fin-naħa t’isfel tal-istrixxa.
L-analiżi tissuġġerixxi li hemm bejn mija u erbgħa u erbgħin elf, u mija u ħamsa u sebgħin elf, binja, tul l-istrixxa ta’ Gaza, li nqerdu minħabba l-gwerra, li jgħoddu għal bejn ħamsin, u wieħed u sittin fil-mija, tal-bini kollu f’Gaza.
Ritratt – Reuters