Minn tal-inqas 8 persuni applikaw għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija.
It-tnejn filgħaxija għalqet is-sejħa pubblika għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija, b’minn tal-inqas tmien persuni b’esperjenza u b’karriera fil-korp tal-pulizija wrew interess sabiex iservu f’din il-kariga.
Din id-darba hija l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li b’mod indipendenti mill-amministrazzjoni tal-pajjiż qiegħda tmexxi l-proċess biex timtela’ l-iktar kariga importanti fil-Korp tal-Pulizija.
Ġie rrapurtat li fost dawk li applikaw hemm – Il-Prokuratur Legali Sandro Camilleri, li fil-karriera tiegħu fil-Korp serva bħala Spettur tal-Pulizija. Huwa serva ukoll bħala l-President tal-Union tal-Uffiċjali tal-Pulizija.
Applika ukoll Angelo Gafa, li ilu minn l-elfejn u sittax iservi fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija. Huwa serva għal aktar minn erbatax-il sena fil-korp fosthom bħala spettur fit-taqsima tar-reati ekonomiċi.
Alexandra Mamo, l-ewwel Assistent Kummissarju mara fil-korp, applikat għal kariga ta’ Kummissarju. Preżentament hija responsabbli mid-distrett ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan.
Applika ukoll l-Avukat Herman Mula. Huwa rtira mill-Korp tal-pulizija s-sena li għaddiet wara li serva għal tmintax-il serva fil-korp fosthom fil-kariga ta’ Spettur. Herman Mula huwa l-President tal-fondazzjoni Simon Schembri Blue Light.
Wara snin twal li temmet il-karriera tagħha mill-Korp tal-Pulizija, l-Avukat Mary Muscat uriet l-interess tagħha għal din il-kariga. Hija serviet għal 13-il sena bħala spettur tal-pulizija.
Tefa’ l-applikazzjoni ukoll, l-ispettur Jonathan Ransley. Bħalissa huwa jservi bħala spettur fid-distrett ta’ Tas-Sliema.
L-avukat Frank Sammut ukoll wera l-interess tiegħu għal din il-kariga. Bħalissa huwa jservi fil-kariga ta’ spettur fid-dipartiment tal-immigrazzjoni.
Ġie rrapurtat li applika ukoll l-Ispettur Robert Vella. Huwa serva wkoll fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija.
Sorsi viċin id-depot sostnew li l-fatt li żgur kien hemm minn tal-inqas 8 persuni li applikaw għall-ogħla kariga fil-korp huwa numru pożittiv u li jispira fiduċja fil-korp tal-pulizija.
Għall-ewwel darba fl-istorja, il-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija ser timtela’ wara sejħa pubblika u bi proċess ta’ skrutinju mill-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi.
Proċess mhux biss konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja iżda jmur pass ‘il quddiem hekk kif il-Prim Ministru reħa minn idu l-veto dwar l-għażla tal-ogħla kariga fil-korp.