Minn tal-inqas 24 persuna mietu kawża ta’ għargħar fin-Nofsinhar tal-Indja, wara li xita qawwija kkawżat numru ta’ xmajjar biex ifuru.
Fost dawk li tilfu ħajjithom hemm ħamest itfal.
Huwa maħsub li n-numru ta’ fatalitajiet ikompli jiżdied minħabba l-fatt li għad hemm għexieren irrapportati nieqsa. Filwaqt li eluf ta’ persuni diġà ġew evakwati.
Numru ta’ djar spiċċaw inġarru mill-ilmijiet, kif ukoll xi passiġġiera ġew salvati hekk kif il-karozza tal-linja li kienu fuqha mtliet bl-ilma.
Ħelikopters militari qed jintużaw biex iwasslu provvisti lil dawk li jinsabu maqbuda.