Minn tal-inqas 10 persuni, fosthom tifla ta’ 9 snin, tilfu ħajjithom fil-Lvant tal-Awstralja, konsegwenza tal-maltemp li ħakem lill-pajjiż nhar il-Milied u l-għada.
Il-maġġor parti tal-imwiet seħħu fl-istat ta’ Queensland, fejn eluf ta’ persuni intlaqtu wkoll minn qtugħ tad-dawl.
Victoria u New South Wales, ukoll intlaqtu minn għargħar u riefnu, bil-kundizzjonijiet tal-ajru huma mistennija li jitjiebu kull ma jmur.
Dan it-temp ikkawża biex saħansitra kkawża ħsara fuq diversi residenzi, sigar u arbli tal-elettriku.
Madwar ġimgħa ilu, Queensland ukoll intlaqat minn ċiklun bl-isem ta’ Jasper, li kkawża għargħar f’diversi żoni.
Kelliema għall-istat, qalu li t-tiswijiet tal-ħsarat li ġew ikkawżati, jammontaw għall-biljuni ta’ ewro.
Il-pajjiż, bħalissa qed jesperjenza l-fenomenu magħruf bħala El Nino, li jikkawża temp estrem bħal nirien u ċikluni.
Tul dawn l-aħħar snin, l-Awstralja rat fost l-oħrajn sensiela ta’ diżastri, fosthom nixfa, nirien, u għargħar.
“Ladarba ma titteħidx azzjoni, il-konsegwenzi jistgħu ikomplu jitilgħu.”
Dan sostnih bord fi ħdan il-Ġnus Magħquda b’rabta mat-tibdil fil-klima.
Fost il-mejta, kien hemm tifla ta’ 9 snin, li l-katavru tagħha nstab jinġarr mal-maltemp, wara li ġiet irrapurtata nieqsa.
Tliet irġiel oħra, għerqu wara li l-yacht li kienu abbord tiegħu inqaleb. Tmien persuni oħra, kellhom jiġu salvati mill-baħar.
Raġel ieħor li nstab il-katavru tiegħu, huwa maħsub li kien qiegħed camping ma’ mara, li wkoll tilfet ħajjitha.
Żewġ nisa, instabu mejta wara li nġarru mill-maltemp, filwaqt li żewġ persuni oħra inqatlu hekk kif waqgħu xi siġar fuqhom.