L-Erbgħa filgħodu x-xatt tal-Kalkara ra diversi seminaristi u saċerdoti jagħtu daqqa t’id sabiex iħottu track ta’ 40 pied li kellu maħżun ikel u xorb essenzjali.
Liema trakk vjaġġa minn Pozzallo t-Tlieta tard filgħaxija u wasal Malta dalgħodu.
Dan ix-xenarju huwa komuni, hekk kif ta’ kuljum pajjiżna jilqa’ merkanzija differenti minn Sqallija, fost diversi pajjiżi oħra.
Iżda dan it-trakk warajh kien hemm skop filantropiku hekk kif wasal għand l-għaqda Caritas. Matul is-sena Caritas jirċievu talbiet ta’ għajnuna kemm b’mod dirett kif ukoll jiġu avviċinati minn kappillani ta’ parroċċi differenti.
Albert Debono li huwa l-Kap tal-Unjoni Djakonija fi ħdan l-għaqda Caritas spjegalna kif jiskatta l-proċess wara li jiġu avviċinati minn individwi bis-sitwazzjoni rispettiva tagħhom.
Huwa spjega: “Dawk li jaqgħu mid-diversi xbieki li għandna fis-soċjetà jaraw illi ma jibqgħux l-art u allura naraw kif nistgħu ngħinuhom biex jergħu jqumu fuq saqajhom. Jiġifieri anke normalment il-kappillani huma kontinwament involuti f’din il-ħidma mal-iktar nies vulnerabbli u dawk l-iktar li għandhom bżonn.”
Is-Sur Debono qalilna b’kollaborazzjoni ma’ voluntiera kif ukoll mal-parroċċi jqassmu dan l-ikel lil diversi individwi u familji bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.
Huwa sostna: “Inwassluhom dar dar permezz ta’ servizz fejn m’hemmx kuntatt uman minħabba s-sitwazzjoni kurrenti u qed inwasslu 550 ikla kuljum bħalissa.”
Intant il-kumpanija Virtu Ferries bħalissa għaddejja b’inizjattiva fejn qed toffri vjaġġi minn Sqallija għal pajjiżna b’xejn. Dan qed isir bil-għan sabiex jitħajjru kumpaniji oħra u jsegwu l-istess passi b’mod speċjali fid-dawl tas-sitwazzjoni kurrenti.